Hekk kif, matul l-aħħar għaxar snin, pajjiżna esperjenza tkabbir ekonomiku b’saħħtu, kulma jmur jinħass il-bżonn ta’ addattament kontinwu biex il-pajjiż jibqa’ miexi ’l quddiem.
Tkellem dwar dan il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, waqt it-tħabbira tal-baġit għas-sena d-dieħla, bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’.
Hu spjega kif l-għan mhuwiex li jinġieb kwalunkwe investiment, iżda li dan ikun allineat mal-prijoritajiet strateġiċi ta’ Malta.
B’hekk, trid tingħata aktar importanza lil setturi ta’ valur miżjud u għoli, bħat-teknoloġija, l-enerġija rinnovabbli, ix-xjenzi tal-ħajja u l-manifattura avvanzata.
Dan kollu skont il-‘Viżjoni Malta 2050’, li tistabbilixxi direzzjoni strateġika għal pajjiżna, bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha, fl-isfond ta’ progress kontinwu.
Il-Ministru Caruana spjega kif dan il-proċess, li ġie approvat mill-Kabinett, qed jiġi ggwidat minn esperti ta’ fama internazzjonali.
Żied jgħid kif din il-viżjoni toriġina mill-bżonn li pajjiżna jaddatta għall-isfidi u l-opportunitajiet ta’ dan is-seklu, hekk kif tindirizza sfidi bħat-tibdil fil-klima, tfixkil teknoloġiku, bidliet demografiċi u d-dinamika fis-suq globali, bil-għan li pajjiżna jkompli jkun nazzjon reżiljenti, kompetittiv u sostenibbli.
Il-Ministru Caruana spjega kif din il-viżjoni se tkun pjan għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiż, b’attenzjoni fuq innovazzjoni diġitali, infrastruttura, edukazzjoni, kura tas-saħħa u sostenibbilità. Dan biex tkompli tiġi żgurata kwalità ta’ ħajja ogħla għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada.
Din il-viżjoni, li l-ħidma fuqha diġà bdiet, se tara, fost l-oħrajn, li toħloq soċjetà aktar sostenibbli u inklussiva, filwaqt li d-definizzjoni tagħha mistennija tkun lesta sa tmiem l-ewwel kwart tas-sena d-dieħla, bil-għan li tinkorpora setturi differenti tal-ekonomija u s-soċjetà.