Il-viżjoni ta’ pajjiżna hija waħda ċara: li Malta tkun leader fil-Mediterran.
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela, meta rrefera għat-taħditiet li kellu f’Ruma waqt il-laqgħa importanti li kellu mal-Prim Ministru Taljana, Giorgia Meloni, nhar il-Ħamis – laqgħa li kompliet turi li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi huma b’saħħtihom ħafna.
Waqt din il-laqgħa, iż-żewġ mexxejja qablu li t-traffikar tal-bnedmin jitfa’ pressjoni fuq iż-żewġ pajjiżi. Il-Prim Ministru semma kif, sa din il-ġimgħa stess, rajna katastrofi fil-Mediterran fejn mijiet ta’ nies li kienu rekbin fuq dgħajsa spiċċaw mitlufa fil-baħar viċin il-Greċja.
Il-Prim Ministru Abela qal li pajjiżna ħadem biex jippreveni l-wasliet, u li din hija strateġija li tibqa’ l-aktar arma b’saħħitha kontra l-kriminali li jitraffikaw il-bnedmin.
Robert Abela tkellem dwar kif din is-sitwazzjoni ilha urġenti u ma kienx hemm bżonn imutu mijiet ta’ nies sabiex nifhmu li, filwaqt li għandna ninsistu li kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jagħmel il-parti tiegħu, hemm bżonn li jingħataw l-għodod u l-inċentivi meħtieġa sabiex pajjiżi bħal-Libja jkunu f’pożizzjoni li jissieħbu huma wkoll fil-ġlieda kontra l-kriminali li qed jorganizzaw dawn il-vjaġġi.
“Irridu nagħmlu commitment ċar biex nagħmlu dak kollu possibbli biex nirreżistu milli jkollna mwiet fuq il-baħar. Jekk tgħidli hemmx soluzzjonijiet għal din l-isfida, ngħidlek hemm, imma hemm mhux għax Malta taħdem weħidha. Daqstant ieħor l-Italja, li huwa żgħir wisq biex jiġġieled waħdu din l-isfida u mhux ġust li Malta waħidha, jew l-Italja waħidha, jew il-Ġreċja waħidha, terfa’ l-piż ta’ din l-isfida massiva.”
Il-Prim Ministru Abela qal li, fl-aħħar, l-Unjoni Ewropea qed tagħraf dan kollu. Iżda issa hemm bżonn li, bil-fatti, inwettqu miżuri, flimkien mal-pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq, li verament ibiddlu l-istatus quo tal-imwiet li segwejna fil-Mediterran għal dawn l-aħħar għoxrin sena.
Settur importanti ieħor li ġie diskuss matul din il-laqgħa kien l-enerġija.
Matul l-intervista, il-Prim Ministru Abela spjega li l-viżjoni tal-Gvern hija li l-Mediterran ikun leader fis-settur tal-enerġija u li Malta tkun leader fil-Mediterran.
Il-Prim Ministru sostna wkoll kif pajjiżna huwa impenjat li jkun fuq quddiem nett biex ir-reġjun Mediterranju jsir ċentru ta’ enerġija nadifa fil-viżjoni ta’ Ewropa dekorbanizzata u indipendenti fl-enerġija.
Dan jgħaqqad ukoll mal-viżjoni li dejjem kellna bħala pajjiż, li nkunu pont bejn l-Afrika u l-Ewropa, b’potenzjal ta’ kurituri ta’ enerġija nadifa li jistgħu jgħaqqdu lill-Ewropa mal-potenzjal ta’ enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi ġirien fl-Afrika ta’ Fuq.
“Settur ta’ enerġija li jagħti lil Unjoni Ewropea l-indipendenza. Meta aħna konna ambizzjużi u għidna li mhux biss il-Mediterran irid ikun ċentru ta’ enerġija nadifa, imma għidna wkoll li naraw l-irwol ta’ pajjiżna, minkejja ċ-ċokon tiegħu, li għandu jkun leader biex jirnexxilna naslu għal dan il-kunċett. Dejjem rajna li Malta tkun pont bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq, anke minħabba l-qagħda ġeografika tagħna. Issa, filwaqt li qabel konna narawh b’kuntesti differenti, illum nemmen li dak il-pont, għas-settur tal-enerġija, qed jagħtina opportunità unika li qatt ma kellna qabel.”
Hawn, il-Prim Ministru Abela spjega li, meta nitkellmu fuq dan is-settur, il-poplu Malti u Għawdxi kien l-uniku wieħed li kellu s-serħan il-moħħ, hekk kif il-Gvern iggarantielu stabbiltà fil-prezzijiet.
“Fl-isfond ta’ swieq internazzjonali ta’ enerġija li splodew ’il fuq, fejn kellek splużjoni fil-prezz tal-enerġija, id-deċiżjoni strateġika li ħadna kienet li nżommu l-prezzijiet stabbli, fejn hemmhekk tajna s-serħan il-moħħ lil familji tagħna li jistgħu jippjanaw għall ġejjieni tagħhom, u dak is-serħan il-moħħ nibqa’ nqisu bħala prijorita għat-tmexxija tal-pajjiż.”