Wirja li tiċċelebra għotja ta’ memorabilja tal-Karnival lil Heritage Malta ġiet inawgurata fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, u se tibqa’ għaddejja sad-9 ta’ April.
Il-wirja, bl-isem Viva Viva l-Karnival: The George Zahra Donation, tikkonsisti fi programmi uffiċjali talKarnival li jmorru lura sal-1930, mudelli ta’ karrijiet tal-Karnival, partituri, trofej u ċertifikati ta’ parteċipazzjoni, fost oġġetti oħra.
Minbarra l-kontribut siewi li tagħti fl-istudju tas-suġġett tal-Karnival fih innifsu, l-għotja tiġbor fiha l-vokazzjoni u l-missjoni ewlenija ta’ George Zahra tul ħajtu kollha. Zahra jgħix għall-Karnival, ħa sehem f’aktar minn 70 edizzjoni u serva fil-kumitat organizzattiv nazzjonali għal aktar minn 50 sena. Għadu sa llum jifforma parti mill-Federazzjoni tal-Bliet Ewropej tal-Karnival (FECC). Minn dejjem kien iġemma’ oġġetti marbuta mal-Karnival, li wħud minnhom jixhdu s-suċċessi tiegħu fis-snin 50 u 60.
Viva Viva l-Karnival: The George Zahra Donation hija vjaġġ tul ħajjet Zahra, iżda wkoll ħarsa privileġġata lejn il-Karnival minn wara l-kwinti. Tirrifletti wkoll il-fiduċja li tgawdi Heritage Malta, li ġiet fdata b’kollezzjoni li mhux biss hija għażiża ħafna għal sidha iżda tirrakkonta ġrajja wkoll. Din mhix biss il-ġrajja ta’ George Zahra imma hija wkoll il-ġrajja tagħna lkoll bħala nazzjon u għalhekk ġrajja li hi parti minna.
Id f’id ma’ din il-wirja se jkun għaddej programm ta’ attivitajiet immirat lejn udjenzi diversi. Wara li tintemm il-wirja, l-oġġetti esebiti se jkunu parti mill-kollezzjoni ta’ riserva tal-Palazz tal-Inkwiżitur – il-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija.
F’kelmtejn waqt l-inawgurazzjoni tal-wirja, George Zahra, li kien preżenti għall-inawgurazzjoni u dawwar lill-ġurnalisti mal-wirja, esprima l-ferħ tiegħu li l-kollezzjoni li għaqqad matul 70 sena issa tista’ titgawda minn kulħadd.
Huwa appella lil min għandu materjal simili biex javviċinah ħalli maż-żmien Malta jkollha mużew, u mhux biss wirja, dedikat lill-Karnival. Id-dħul għall-wirja huwa parti integrali mill-esperjenza tal-Palazz tal-Inkwiżitur u m’hemm ebda ħlas addizzjonali involut.