L-uffiċċju ta’ l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fil-Polonja ngħaqad ma’ żewġ operaturi turistiċi ewlenin, ITAKA Poland u Wakacje.pl, biex jirreklamaw u jbigħu vaganzi f’pajjiżna fix-xhur tax-xitwa.
ITAKA, l-aqwa operatur turistiku Pollakk li ilu fil-qasam sa mill-1989, se jippromwovi lil Malta lil vjaġġaturi Pollakki. Min-naħa tagħha Wakacje.pl, aġenzija ewlenija tal-ivvjaġġar onlajn fil-Polonja, se tippromwovi u tbigħ ukoll pakketti tal-ivvjaġġar.
Dawn il-ftehimiet għandhom l-għan li jsaħħu l-viżibbiltà ta’ Malta fis-suq Pollakk. Fl-2022, aktar minn 143,000 turist Pollakk żaru Malta, b’103,653 viżitatur fl-ewwel tmien xhur tas-sena kurrenti, żieda ta’ 48% meta mqabbel mal-2019, l-aħħar sena rekord għat-turiżmu qabel il-pandemija.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ilha taħdem fuq pjan ta’ marketing b’mod attiv fil-Polonja, tant li s-sena l-oħra fetħet uffiċċju reġjonali f’Varsavja biex taqdi aħjar is-suq Pollakk.
Għalkemm pajjiżna diġà jgawdi minn konnettività eċċellenti mal-ibliet ewlenin kollha fil-Polonja, għaddejjin sforzi biex tissaħħaħ iżjed il-preżenza ta’ Malta f’dan ir-reġjun, fosthom permezz ta’ ftehimiet ma’ linji tal-ajru u operaturi turistiċi.
Id-Direttur Reġjonali ta’ VisitMalta fil-Polonja, Jimmy Attard, hu ottimist dwar il-potenzjal ta’ tkabbir tas-suq Pollakk, b’mod partikolari matul ix-xhur tax-xitwa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef, min-naħa tiegħu enfasizza t-tkabbir dinamiku tal-Polonja bħala suq sors għal Malta b’appell lil turisti Pollakki.
“Malta toffri klima sħuna, ospitalità, wirt rikk, u prodott turistiku divers, li jagħmilha destinazzjoni attraenti. Il-Gżejjer Maltin jipprovdu valur eċċellenti għall-esperjenza ġenerali tal-vaganzi, li jwassal għal aktar interess mill-operaturi turistiċi u l-linji tal-ajru għall-istaġun tax-xitwa li ġej,” saħaq Micallef.
Ritratt: VISITMALTA