VisitMalta nediet l-ewwel gwida komprensiva għall-ivvjaġġar ta’ lussu lejn il-gżejjer Maltin, b’kollaborazzjoni ma’ Greydoor Publishing. Din l-gwida esklussiva tagħti informazzjoni ġenerali, b’parir għal dawk li se jivvjaġġaw bil-familja, għal min ifittex avventuri, bħall-ibburdjar, esperjenzi gastronomiċi u ħafna aktar.
Din il-gwida, li se titqassam b’mod fiżiku u anke diġitali, għandha l-għan li tinforma lill-barranin dwar postijiet li għandhom iżuru kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Din se tkun disponibbli f’lukandi tal-ogħla livell u postijiet oħrajn importanti madwar il-pajjiż, waqt li se titqassam f’fieri internazzjonali li tieħu sehem fihom l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA).
Id-direttur ta’ VisitMalta Christophe Berger stqarr li jinsab ħerqan b’din il-pubblikazzjoni li tagħti stampa wiesa’ ta’ dak li joffri pajjiżna u tirrikonoxxih bħala destinazzjoni ta’ kwalità.
Din il-gwida qed titnieda proprju fiż-żmien meta t-turiżmu fil-gżejjer Maltin irkupra b’qawwa, fejn l-2023 ukoll qabżet ir-rekord preċedenti, dak ta’ qabel il-pandemija fl-2019. Minbarra li s-sena l-oħra żdied in-numru ta’ turisti, żdied ukoll sew l-infieq tagħhom.
Riċentament ukoll tħabbar li Malta ngħaqdet ma’ Serandipians, li tispeċjalizza għal turiżmu ta’ lussu, bħala Preferred Destination Partner.