Fl-iskola Nazzjonali tal-Isport, f’Pembroke, tħabbar li VisitMalta se tkun qed tappoġġja lill-klabb tal-Luxol St Andrews Futsal Club b’sostenn ta’ €10,000 matul l-esperjenza tagħhom fil-UEFA Champions League tal-Futsal.
Permezz ta’ dan is-sostenn, VisitMalta se tkun viżibbli fuq il-flokkijiet tat-tim fil-logħbiet li għandhom il-ġimgħa d-dieħla kontra ċ-Champions Ewropej tal-Futsal, FC Barcelona, Sporting Anderlecht u Loznica-Grad 2018.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, li indirizzata konferenza stampa mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, fil-preżenza tat-tmexxija u d-diriġenti tal-klabb, stqarr li l-għan ta’ VisitMalta m’għadux sempliċiment li jattira t-turisti lejn pajjiżna.
Saħaq li rridu nkomplu nkunu ta’ spalla għall-għaqdiet sportivi u dawk kollha li għandhom l-aspirazzjoni jikkompetu f’isem Malta barra minn xtutna fi kwalunkwe dixxiplina sportiva.
Stqarr, Aktar investiment fin-niċċa sportiva jfisser li qegħdin inkomplu nattiraw iżjed turisti ta’ kwalità biex b’hekk aħna nkunu nistgħu nwasslu isem pajjiżna lil hinn minn xtutna, din id-darba permezz tal-Futsal fejn għandna tim lokali li qed jikkompeti fuq livell internazzjonali, fl-ogħla livelli internazzjonali, u dan kollu allura juri l-qabża fil-kwalità li rridu nagħmlu bħala pajjiż ħalli b’hekk aħna lkoll kemm aħna nimxu ’l quddiem u mit-turiżmu verament igawdi kulħadd.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qal li l-MTA se ssaħħaħ l-impenn tagħha li tkompli tagħti importanza lit-turiżmu sportiv. Hu qal li t-turiżmu sportiv se jgħinna bil-kbir biex inkomplu nattiraw turiżmu ta’ kwalità ogħla fuq medda ta’ sena sħiħa.