Timijiet lokali tal-futbol u tal-Futsal, li se jkunu qed jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet internazzjonali Ewropej, qed igawdu minn għajnuna finanzjarja diretta ta’ għaxart elef ewro mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA.
Dan l-inċentiv individwali se jkun qed jerġa’ jiżdied b’għaxart elef ewro oħra addizzjonali, kemm-il darba t-timijiet javvanzaw għal stadju ieħor fil-kompetizzjoni rispettiva.
Il-klabbs Maltin, li se jikkompetu barra, huma l-Ħamrun Spartans, fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, u Floriana, Sliema Wanderers u Marsaxlokk fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League.
It-tim tan-nisa ta’ Birkirkara FC se jkunu qed jikkompetu fil-UEFA Women Champions League. Il-klabb ta’ Luxol St Andrews Futsal Club se jipparteċipaw fil-UEFA Champions League tal-Futsal, filwaqt lit-tim tal-minors ta’ Valletta FC se jieħu sehem fil-UEFA Youth League.
Permezz ta’ din l-għajnuna mill-MTA, fuq il-flokkijiet tat-timijiet se jkun hemm il-logo ta’ VisitMalta u, għalhekk, waqt dawn il-kompetizzjonijiet kollha, pajjiżna se jkun ukoll irreklamat bħala destinazzjoni turistika.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, qal li, b’dan l-investiment fin-niċċa sportiva, ifisser li pajjiżna qed ikompli jattira iżjed turisti ta’ kwalità biex b’hekk isem pajjiżna jasal lil hinn minn xtutna.
“Il-brand VisitMalta llum hi l-iżjed waħda rikonoxxuta madwar id-dinja fl-ambitù meta torbotha mal-gżejjer Maltin. Il-brand VisitMalta hi viżibbli f’ħafna sports, apparti fis-settur tat-turiżmu. Hu bi pjaċir li qed nagħtu din l-għotja lil dawn it-timijiet ta’ għaxart elef ewro għal kull rawnd li jikkompetu fih.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, tenna kif, permezz ta’ din l-għajnuna finanzjarja, mhux biss se jgħinu lit-timijiet lokali, imma wkoll se jikber il-potenzjal ta’ reklamar għal pajjiżna barra minn xtutna u, għalhekk, jiġu attirati aktar turisti.
“Għajnuna bħal din se tkun qed tgħin lil VisitMalta biex inwasslu isem pajjiżna lil hinn minn xtutna, grazzi għal dawn it-timijiet lokali li se jkunu qed jilagħbu fuq livell internazzjonali.”
Kemm il-Ministru għat-Turiżmu kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-MTA awguraw l-akbar suċċess lill-klabbs Maltin fl-impenji internazzjonali tagħhom.