Lejliet li jibda jaħdem is-servizz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex, il-kumpanija Virtu Ferries qalet li hija se tkun qed taħdem b’żewġ katamarani: San Franġisk u San Pawl, li jesgħu 317-il passiġġier u għandhom veloċità ta’ 65KM fis-siegħa.
B’hekk l-vjaġġ se jtul għal madwar 45 minuta.
Virtu Ferries qalet li dawn iż-żewġ katamarani għadhom kemm irritornaw Malta wara li kienu qed jaħdmu f’rotta bejn Venezja u l-Adrijatiku u kienu jintużaw ukoll fir-rotta bejn Malta u Sqallija.
Il-kumpanija saħqet li talbet l-għajnuna ta’ esperti internazzjonali biex jibnu katamarani ġodda għal din ir-rotta.
Is-servizz tal-fast ferry tal-Virtu Ferries jibda fis-6:15am u jintemm mill-Port il-Kbir fl-10:15pm mit-Tnejn sal-Ħamis u l-Ħadd.
Min-naħa l-oħra l-Ġimgħa, is-Sibt u nhar festi pubbliċi s-servizz jintemm fil-kwarta ta’ filgħodu.
Il-klijenti se jkunu intitolati għal biljett b’xejn għal-lift tal-Barrakka ħalli jkunu jistgħu jmorru fiċ-ċentru tal-belt Kapitali.