L-eks-Direttur Ġenerali tal-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji (GRTU), Vince Farrugia, tilef kawża ta’ libell kontra l-Perit Michael Falzon, fuq artiklu li Falzon kiteb fil-Malta Today.
L-artiklu kien ippubblikat ħames snin ilu u kien jismu Cuckoo’s Nest.
Farrugia ilmenta li l-artiklu għammillu ħsara għar-reputazzjoni u fetaħ proċeduri ta’ libell kontra l-Perit Falzon, dak iż-żmien il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin.
Farrugia lmenta li mhux minnu li l-GRTU għamlet tagħha l-proposti magħmulha mill-MDA meta l-Gvern introduċa inċentivi ta’ taxxa għal min jixtri l-ewwel propjetà u proprjetajiet vojta. Farrugia qal li l-GRTU kienet ilha tagħmel tali proposti minn snin qabel.
Skont Farrugia mhux minnu lanqas li n-numru ta’ membri tal-GRTU naqsu, kif qal il-Perit Falzon. Iżda meta ġiet biex tiddeċiedi, il-Qorti qalet li l-fatti allegati kienu sostanzjalment korretti.
L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi kienet għamlet proposti lill-Gvern dwar għajnuna għal min kien se jixtri post, fatt li Farrugia insista li għamel ukoll iżda ma wera ebda tip ta’ prova biex juri li dan huwa vera, bħal ma għamel il-Perit Falzon.
Farrugia lanqas ma ressaq dokument biex jirribatti li n-numru ta’ membri tal-GRTU kien qed jonqos.