Fil-belt Pollakka ta’ Gdansk, it-tim Spanjol ta’ Villareal rebaħ il-l-finali tal-UEFA Europa League, hekk kif għeleb lit-tim Ingliż ta’ Manchester United, wara l-għoti tal-penalties.
It-tim Spanjol mar l-ewwel fil-vantaġġ fid-29 minuta permezz ta’ Gerard Moreno, wara li Dani Perejo minn free-kick qassam li Moreno biex tefa’ l-ballun fix-xibka.
Imbagħad fil-55 minuta, Manchester United ġabu l-iskor indaqs permezz tal-plejer Urugwajan, Edison Cavani.
Sal-aħħar tad-90 minuta, l-iskor kien indaqs ta’ 1-1, bil-logħba tkompli bil-ħin barrani, iżda fit-30 minuta tal-ħin addizzjonali l-ebda tim ma sab ix-xibka.
Bil-partita tmur għal għoti tal-penalties, li kien wieħed drammatiku, it-tim Spanjol skurja 11 minn 11-il penalty.
Għal Villareal skurjaw Gerard Moreno, Dani Raba, Paco Alcacer, Alberto Moreno, Daniel Parejo, Moi Gomez, Raul Albiol, Francis Coquelin, Mario Gaspar, Pau Torres u Geronimo Rulli.
Għar-Red Devils skurjaw Juan Mata, Alex Telles, Bruno Fernandes, Marcus Rashford, Edison Cavani, Fred, Daniel James, Luke Shaw, Axel Tuanzabe u Victor Lindelof. Bil-gowlkeeper ta’ Manchester United David De Gea jfalli l-unika penalty, biex it-tim Spanjol rebaħ din il-kompetizzjoni Ewropea għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu.
Il-kowċ ta’ Villareal Unai Emery rebaħ din il-kompetizzjoni għar-raba’ darba, hekk kif qabel rebaħ din il-kompetizzjoni mat-tim ta’ Sevilla fl-2014, fl-2015 u fl-2016.