Bejn it-tnax u t-tletin ta’ Diċembru fil-Park tal-Familja f’Marsaskala, se jsir villaġġ tal-Milied b’attivitajiet għall-familja kollha.
Ix-xogħol għall-ewwel edizzjoni ta’ Christmas in the Park organizzat minn Parks Malta, diġà beda, biex il-park jinbidel f’villaġġ mimli attivitajiet għat-tfal, divertiment u xogħol bl-artiġġjanat.
Se jinħolqu wkoll diversi żoni għal-logħob, mużika u divertiment, ikel u attivitajiet oħra marbuta mal-perjodu tal-Milied.
Il-Ministru Miriam Dalli ħabbret inizjattiva li fiha se jinħolqu dekorazzjonijiet tal-Milied mill-ħaddiema ta’ Parks Malta, li se jkunu jistgħu jinxtraw b’donazzjoni b’risq l-Istrina.
Hija qalet, “Permezz ta’ Christmas in the Park, fil-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn, se jkollna numru t’attrazzjonijiet biex nattiraw dawk il-persuni li jridu jiġu hawnhekk fil-park, igawdu żmien il-Milied, jaraw l-attrazzjonijiet li jkollna f’dawn il-ġranet, fejn jistgħu jidħlu mingħajr ħlas imma fl-istess ħin ikunu qegħdin igawdu u jieħdu sehem magħna fil-ġranet tal-Milied anki b’numru t’attivitajiet li se jkunu qed isiru.”
F’ambjent aċċessibbli u sigur, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jattendi dan il-villaġġ tal-Milied bejn il-ħamsa ta’ waranofsinhar u l-ħdax u nofs ta’ filgħaxija.
Fit-tlettax ta’ Diċembru, festa pubblika, il-park se jkun miftuħ ukoll f’dawn il-ħinijiet.