Dar li tifforma parti mir-Residenza San Vinċens de Paul ġiet irrestawrata u nbidlet f’post adekwat ta’ terapija li joffri tama ġdida għall-futur ta’ persuni ta’ kull età li jkollhom bżonn kura fit-tul.
B’investiment ta’ żewġ miljun ewro, infetħet “Narċis”, taqsima li tista’ tilqa’ sa sittax-il resident b’dipendenza għolja, li se tiftaħ opportunitajiet ġodda għal dawn il-persuni biex jilħqu l-aspirazzjonijiet ta’ ħajjithom.
Din ir-residenza tirrifletti ġenerazzjoni ferm iżgħar minn dik tal-anzjani, u ġiet inawgurata wara restawr li sar fuq barra tal-binja biex tibqa’ tirrispetta l-karatteristiċi ta’ meta nbniet lejn l-aħħar tas-seklu dsatax fl-era militari Ingliż.
Fuq ġewwa nħoloq ambjent b’kuluri vivaċi li jiċċelebraw il-ħajja, filwaqt li l-kmamar huma mgħammra b’teknoloġija moderna li toffri iżjed aċċessibilità u indipendenza, fosthom b’sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali virtwali.
F’Narċis hemm ukoll gym, multi-sensory room, family unit u kmamar għall-counselling.
Il-Kap Eżekuttiv tar-Residenza, Dr Josianne Cutajar, spjegat li l-programm offrut lir-residenti se jmur oltre mit-terapija għaliex se joffri kunċetti innovattivi msejsa fuq relazzjoni b’saħħitha mal-qraba biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jaqsmu esperjenzi terapewtiċi u rikreattivi ma’ dawk l-aktar għeżież għalihom.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia, irringrazzja lill-ħaddiema kollha li ħadmu biex din il-ħolma saret realtà.
Qal li ma kinitx tagħmel sens li f’sala waħda jkun hemm anzjani u persuni li jkollhom inqas minn sittin sena, u għalhekk sar xogħol biex fl-iqsar żmien possibbli, minkejja l-isfidi tal-pandemija, jitlesta dan il-proġett għaliex il-persuni għall-kura fit-tul kien jixirqilhom aħjar.