Villa Barokka tas-seklu 18 u l-ġonna tal-madwar li jinsabu fil-qalba ta’ Ħ’Attard ingħataw l-ogħla protezzjoni mill-Awtorità tal-ippjanar bi stat ta’ Grad 1.
Villa Barbaro għandha importanza arkitettonika u storika u kienet inbniet mill-familja Barbaro bħala residenza fil-kampanja. Titqies ukoll bħala l-ewwel mużew privat li saħansitra kienu jżuruħ mistiedna barranin.
Il-Markiż Carlo Antonio Barbaro kien bena arkata tal-injam biex jilqa’ lill-Gran Mastru De Rohan waqt il-purċissjoni tiegħu mill-palazz ta’ San Anton sal-Imdina biex jagħmel id-dħul solenni tiegħu meta sar Gran Mastru. L-istess villa ntużat ukoll waqt l-okkupazzjoni tal-Franċiżi f’Malta u serviet bħala qorti. Fiha kienu jsiru laqgħat importanti bejn il-mexxejja Maltin sa anke ftehim dwar kif il-poplu kien beħsiebu jqum kontra l-Franċiżi.
Tul dawn l-aħħar snin, din il-villa gawdiet darbtejn mill-iskema Irrestawra Darek biex sar restawr meħtieġ f’din il-propjetà.