L-Erbgħa filgħaxija l-Pulizija arrestat it-tieni persuna b’rabta mal-qtil doppju f’Tas Sliema biex b’hekk waslet pass eqreb sabiex issolvi kompletament dan il-każ.
It-tieni suspettat li ġie arrestat fil-Gżira huwa Viktor Dragomanski.
Raġel mill-Maċedonja li joqgħod Tas-Sliema u li qed ikun irrappurtat li jaħdem bħala bouncer f’Paceville.
Fi stqarrija ftit sigħat wara l-arrest, il-pulizija spjegat li kellha informazzjoni li persuna involuta fl-omiċidju doppju tat-tmintax t’Awwissu kien qed jistaħba ġewwa lukanda fil-Gżira.
B’din l-informazzjoni l-Pulizija wettqet is-sorveljanza meħtieġa sabiex għall-ħabta tal-ħdax tal-Erbgħa filgħaxija ċċirkondat il-post u bdiet l-operazzjoni tal-arrest.
Fil-fatt l-istqarrija tal-Pulizija kkonfermat l-istorja ta’ ONE News fejn fiha ġie spjegat kif Dragomandski pprova jaħrab lill-pulizija, meta marru biex jarrestawh.
L-arrest sar bejn Tas-Sliema u l-Gżira.
Dan l-istazzjon żvela li malli sar jaf bil-preżenza tal-Pulizija it-tieni suspettat fil-qtil ta’ Dr Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski qabeż minn xi bjut u gallariji sabiex jipprova jaħrab.
Dan huwa t-tieni suspettat li nqabad b’rabta mal-qtil tal-koppja f’Tas Sliema.
Kien it-Tlieta waranofsinhar li l-Pulizija wettqet rejd fil-Furjana fejn fiha arrestat lil Daniel Muka.
Fil-fatt mhux qed ikun eskluż li kien Muka nnifsu li seta’ kixef il-post li fih kien qed jistaħba Dragomanski waqt l-interrogazzjoni li kellu mal-Pulizija.
Interogazzjoni li ħadet sigħat twal u li fiha Muka mhux dejjem ikkopera mal-Pulizija.