Il-kanzunetta semifinalista interpretata minn Cherylis waqt it-tieni edizzjoni Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija issa għandha wkoll il-vidjo mużikali tagħha.
Il-vidjo ta’ ‘Jien L-Artist’ ġie ffilmjat fit-Teatru Manoel, ġojjell artistiku Malti fejn l-arti tingħata l-ħajja.
Tqabbad il-vidjografu Kurt Cauchi, kif ukoll għadd ta’ artisti mix-xena tad-drama, taż-żfin u anke tal-kant biex jesponu t-talenti tagħhom u jiġu apprezzati fuq il-palk tat-Teatru Manoel.
Fi tmiem l-iffilmjar tal-vidjo Cherylis ikkummemntat: “Ma stajt nimmaġina xejn aktar għal din il-kanzunetta, u nittama li l-messaġġ tagħha issa jidwi daqsxejn aktar – għaliex l-artist qiegħed hawn jittama li xogħlu jiġii apprezzat – kif fuq kollox jiġu apprezzati xogħlijiet oħra.”
‘Jien L-Artist’ ilha disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali. Bi kliem u mużika ta’ Pamela Bezzina, dan it-titlu kellu warajh tifsira profonda, il-karba ta’ kull artist professjonali.
Fi kliem l-awtriċi Pamela Bezzina, “is-silta tirrifletti ċar il-ħsibijiet profondi li tesperjenza l-kantanta nnifisha bħala artista – minn meta tibda toħlom li ssir artista professjonali imma ssib lil min ma jemminx f’dak li tista’ toffri, fejn dak li huwa kollox għaliha jista’ ma jfisser xejn għal ħaddieħor; fejn id-dubji kontinwi fuq dak li ħolqot jagħmluha persuna vulnerabbli bħal kulħadd, anke jekk tidher kunfidenti fuq palk jew waqt l-esibizzjoni tagħha.”