Victoria Hotspurs rebħu l-BOV Aamateur Cup meta fil-finali għelbu lil Qrendi bl-iskor strett ta’ 2-1, biex b’hekk wara li fil-jiem li għaddew rebħu n-National Amateur League 2 mingħajr mhux megħluba biex kisbu l-promozzjoni għan-National Amateur league 1, kisbu d-double, fi staġun li żgur li se jibqa’ mmarkat b’ittri tad-deheb fl-istorja tagħhom.
Kien biss fis-17-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Victoria Hotspurs ikunu huma li joħolqu l-periklu meta Roberto Monteiro kellu x-xutt tiegħu mill-viċin li għadda jħakkek mal-wieqfa.
Qrendi wieġbu man-nofsiegħa logħob meta xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa ta’ Ayesller Carvalho għadda ftit barra.
Huma komplew fuq l-offensiva u proprju għaxar minuti wara, il-captain Brabdon Bray kellu t-tentattiv mill-viċin tiegħu salvat tajjeb mill-goalkeeper tal-Għawdxin, Adrian Parnis, biex salva goal ċert.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Victoria Hotspurs ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fl-54 minuta fetħu l-iskor meta wara xogħol tajjeb minn Kurt Borg, il-ballun intemm għand SHAUN ATTARD li permezz ta’ xutt sabiħ minn tarf il-kaxxa ma ħafirx.
Iżda huma bilkemm kellhom ċans jifirħu għal dan il-goal li Qrendi ġabu l-iskor indaqs eżattament fit-63 minuta meta l-ewwel Sterling Mina Moran kellu x-xutt tiegħu salvat minn fuq il-linja minn difenusr ta’ Qrendi, biex mir-rebound, AYESLLER CARVALHO, permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ ġewwa.
U f’botta u risposta mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, minuta biss wara Victoria reġgħu marru fil-vantaġġ meta l-veteran Roderick Briffa għadda tajjeb lejn WELLINGTON VALENTIM DE SOUSA li permezz ta’ rovexxjata mill-isbaħ mill-viċin għeleb għal kollox lill-goalkeeper ta’ Qrendi, Miguel Attard.
Huma komplew jippressaw u fid-69 minuta il-captain Ferdinando Apap minn pożizzjoni ferm ideali tefa’ inkreddibilment barra, bil-Qrendin jeħilsuha ħafif.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Wara l-partita, il-viċi-president tal-MFA, Dr Matthew Paris, ippreżenta t-Tazza lill-captain tar-rebbieħa tal-BOV Amateur Cup, Victoria Hotspurs, Ferdinando Apap.
Referee: George Anthony Attard