Qed jiġi rapurtat li l-mexxejja Ewropej jinsabu viċin qbil dwar min għandu jokkupa l-ogħla karigi fl-Unjoni Ewropea.
Is-summit forma ta’ konklavi kumpless daħal fit-tielet jum u l-kapijiet tal-Gvern tal-istati membri mhux mistennija jtemmu dan is-summit qabel joħorġu b’kompromess.
Kollox qed idur mal-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea flok Jean-Claude Juncker, hekk kif sal-jum tat-Tnejn deher li ntlaħaq qbil dwar Frans Timmermans.
Saħansitra l-kandidatura tiegħu ġiet milqugħa mill-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel mill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew iżda imbagħad sfaxxa kollox wara li l-erba’ stati magħrufa bħala tal-Visegrad, jiġifieri r-Repubblika Ċeka, l-Islovakkja, l-Ungerija u l-Polonja wrew id-diżapprovazzjoni tagħhom.
B’hekk kollox ried jerġa’ jibda mill-bidu, u issa feġġ l-isem tal -Ministru għad-Difiża fil-Gvern ta’ Merkel, Ursula von der Leyen.
Von der Leyen qed tissemma bi prominenza li tista’ tkun hi li tokkupa l-aktar kariga prestiġjuża, dik li tmexxi l-Kummissjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru liberali Belġjan Charles Michel li ilu jissemma wkoll jidher li għandu ċans jieħu post Tusk filwaqt li l-Kap tal-Fond Monetarju Internazzjonali Christine Lagarde tista’ tkun hi li tmexxi l-Bank Ċentrali Ewropew.
Intant il-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea preżenti Donald Tusk kellu għadd ta’ taħdidiet separati ma’ kull mexxej u saru għexieren ta’ telefonati sabiex finalment jintlaħaq qbil.
“Bosta telefonati u ntbagħtu ħafna messaġġi, nispera li issa naqblu”, hekk sostna l-Prim Ministru tal-Olanda Mark Rutte hekk kif l-Ewropa trid turi aktar minn qatt qabel li fl-għaqda hemm is-saħħa.
Il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat kien involut wkoll f’għadd ta’ taħdidiet fosthom ma’ Donald Tusk u ma’ mexxejja mill-grupp tas-Soċjalisti Ewropej hekk kif sa issa għadna qed nistennew min finalment se jokkupa l-ogħla karigi u jagħti direzzjoni lill-Unjoni Ewropea.