Il-Viċi Sindku Nazzjonalista taż-Żebbuġ Għawdex, Daniel Cordina, qal li, b’wiċċu bil-quddiem, jista’ jaħlef li hu dejjem sab appoġġ mill-uffiċjali ta’ Transport Malta dwar l-irmiġġi fil-Port tal-Imġarr mingħajr ma qatt intalab iħallas jew ixaħħam lil xi ħadd, kif allega l-Partit Nazzjonalista stess.
Cordina, li hu meqjus bħala wieħed qrib ħafna tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, għamel dan f’kumment fuq Facebook b’reazzjoni għall-allegazzjonijiet infondati tal-eks Deputat Jason Azzopardi u li fuqhom rikeb il-partit tiegħu.
Cordina qal li hu għandu lanċa f’Marsalforn, iżda fil-maltemp, bħal kulħadd fil-post, ikollu diversi problemi.
Il-Viċi Sindku Nazzjonalista qal li meta ċempel u kellem lill-uffiċjali responsabbli mill-irmiġġi dejjem sab koperazzjoni biex jorbot temporanjament fl-imġarr, waqt li qal li qatt ma talbuh iħallas, kif ġie wkoll allegat mill-gazzetta Nazzjonalista Il-Mument ilbieraħ.