Il-familji Maltin iħallsu l-irħas tariffi tal-enerġija meta mqabbla mad-dħul tagħhom. Innota dan il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Maros Sefcovic f’laqgħa informali tal-Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea.
Dan b’kuntrast ma’ dak li seħħ fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fejn mill-2008 il-kontijiet żdiedu b’40%. F’isem Malta kien qed jattendi din il-laqgħa l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi, li qal li t-tnaqqis fit-tariffi tal-enerġija jkollu impatt fuq il-ħajja tan-nies u l-prezzijiet orħos huma marbuta wkoll mat-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna.
Hawn il-Ministru Mizzi qal ukoll li Malta tappoġġja l-unjoni tal-enerġija, filwaqt li sostna li t-tassazzjoni għandha dejjem tibqa’ kompetenza tal-gvernijiet nazzjonali. Irrapporta wkoll li x-xogħol fuq ir-rotta bejn Malta u Gela, biex pajjiżna wkoll ikollu pipeline tal-gass mal-kontinent jinsab miexi. Fil-laqgħa reġgħet ħarġet l-importanza tal-użu tal-LNG bħala sors ta’ enerġija.
“Dan jikkonferma li l-politika tal-enerġija li għandu l-gvern għal pajjiżna hija sigura, sostenibbli u affordabbli,” qal il-Ministru Mizzi.