Wara diversi diskussjonijiet u studji, il-passaġġ li jgħaqqad lil Ħaġar Qim mal-Imnajdra se jsirlu pavimentar ġdid minħabba li, wara aktar minn sittin sena, dan m’għadu la adegwat u lanqas sikur.
F’dan ix-xogħol, il-passaġġ se jitwessa’ biex, f’każ ta’ inċident, ikunu jistgħu jinżlu vetturi ta’ emerġenza sat-tempju tal-Imnajdra.
Wara diversi taħditiet mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi kif ukoll mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, tfassal pjan li jassigura l-inqas impatt ambjentali fuq dan is-sit, li huwa Natura 2000.
Uffiċjal mit-tim ta’ arkeologi fi ħdan Heritage Malta li qed jimmoniterjaw ix-xogħlijiet, il-kuratriċi anzjana Maria Elena Zammit, spjegatilna li l-biċċa l-kbira taċ-ċangaturi tal-franka nkisru mas-snin, u dan irriżulta f’perikli serji għall-viżitaturi.
Qalet, “Il-passaġġ eżistenti, li ilu madwar sebgħin sena, ġarrab diversi ħsarat u kemm minħabba l-aċċessibilità tas-sit aħna irridu niżguraw li f’każ ta’ emerġenza jkun hemm aċċess adegwat għal-ambulanza li tista’ tgħaddi.”
Il-perit Ruben Abela qalilna li fil-passaġġ se jiġu installati pajpijiet sabiex il-pumpiera jkollhom aċċess għal-ilma fl-inqas ħin possibbli. Se jingħaddew ukoll kejbils tad-dawl u tad-dejta li tgħaddi bejn id-diversi sensors li għandu dan il-post sensittiv.
Qal, “Hemm infrastruttura għas-servizzi li għandna bżonn inwasslu lejn l-Imnajdra kif ukoll sistema tat-tifi tan-nar. Għall-ewwel darba se tkun sistema kompluta, minn Ħaġar Qim sal-Imnajdra, li f’każ ta’ nar, is-CPD jkunu jistgħu jaċċessaw is-sit u jkunu jistgħu jitfu n-nirien li jkun hawn.”
Min-naħa loġistika l-Perit Abela qalilna li l-passaġġ il-ġdid mhux se jieħu art ġdida, minħabba s-sensittività tal-post. Il-pavimentar il-ġdid se jkun kapaċi jiffaċilita s-servizzi tal-emerġenza essenzjali. Dan se jkun possibbli billi l-pavimentar se jisporġi aktar ’il barra mingħajr ma tintmess l-art. Il-pavimentar il-ġdid se jkun ta’ materjal iktar reżiljenti minn dak preżenti, iżda se jkollu żrar Malti fil-wiċċ tiegħu sabiex il-kulur aħħari tal-planki tal-konkrit jaqbel aktar mal-ambjent tal-blat fil-madwar.
Qal, “Ridna wkoll li jkun hawn aċċess għall-vetturi ta’ emerġenza bħal ambulanza, allura l-istruttura li ridna nużaw riedet tkun li tiflaħ biżżejjed il-piż ta’ ambulanza u anki l-wisa’ addattat, jiġifieri kellna bżonn inwessgħu l-passaġġ mingħajr ma nimpattaw fuq il-blat għaliex użajna l-pavimenti tal-passaġġ li hawn imma fl-istess ħin ħriġna qisna żewġ gallarijiet fuq kull naħa.”
Huwa qalilna li, b’mod temporanju, tpoġġa pont sakemm jitlesta l-proġett u għalhekk il-viżitaturi xorta waħda se jkunu jistgħu jaċċessaw il-post kollu.
Dan il-proġett mistenni jitlesta sa tmiem din is-sena.