B’investiment ta’ kważi żewġ miljun ewro, Steward Health Care ġabet tmintax-il vettura biex iwasslu pazjenti għal terapija fost l-oħrajn fl-isptar Karin Grech u l-isptar ġenerali t’Għawdex.
B’ħames karozzi f’Għawdex u tlettax oħra f’Malta, dawn il-vetturi qed jieħdu post vetturi antiki li kienu ilhom jintużaw mill-elf disa’ mija tnejn u disgħin.
Fi kliem wieħed mix-xufiera li ilu għal dawn l-aħħar ġimgħatejn iwassal pazjenti bil-vetturi l-ġodda, is-servizz li qed jingħata lil pazjent huwa ta’ kwalità.
Bondin qal li “Id-differenza hija enormi għal kullħadd. L-ewwel ma nsemmu huwa l-pazjent, il-pazjent qed jara differenza enormi. Illum il-ġurnata għandna vetturi li huma kollha mgħammrin bl-arja kundizzjonata, fejn qabel qatt ma kellna karozza bl-arja kundizzjonata. Għandna iktar vetturi, qed inġibu aktar ammont ta’ persuni, daħlu wkoll xufiera ġodda, ħadu taħriġ neċċessarju biex qegħdin noffru servizz mill-aqwa.”Fost il-vetturi hemm ukoll karozza li qed tintuża f’Għawdex għall-emerġenza magħrufa bħala rapid response vehicle.
Huma madwar mitt pazjent, ħafna minnhom anzjani, li ta’ kuljum jużaw dan is-servizz ta’ trasport biex jieħdu xi kura fl-isptarijiet f’idejn Steward Health Care.
Bil-fatt li issa dawn il-vetturi huma mgħammra sew u aktar aċċessibli, Steward Health Care tgħid li dan huwa eżempju ċar ta’ kif il-kumpanija medika qed itejjeb l-infrastruttura fl-isptarijiet f’Malta u f’Għawdex.