Vettura tat-tifi tan-nar tas-sittinijiet għadha kif ingħatat lid-Dipartment tal-Protezzjoni Ċivili biex tkun fost il-kollezzjoni tal-mużew tal-vetturi tat-tifi tan-nar li hemm f’Ħal Far. Din il-vettura partikolari hija kemmxejn aktar speċjali għaliex intużat fit-traġedja tal-ajruplan Vulcan Bomber, li ġġarraf f’Ħaż-Żabbar fl-1975. Traġedja li ħalliet sitt persuni mejta u li tfakkret lejn nofs Ottubru li għadda.
ONE News mar Bengħajsa għand Michael Cachia tal-Piti, li sa ftit ilu kien is-sid tal-vettura stess. Huwa qalilna, “Dik kienet tal-Pulizija u kienet tal-1965. Il-Pulizija mbagħad kienu biegħuha l-missieri u lilna fl-1989. Meta waqa’ l-ajruplan f’Ħaż-Żabbar ħadet sehem u tfietu hi n-nar. Għalhekk ħassejt li tingħata lilhom. Issa se tmur għall-mużew f’Ħal Far.”
Tkellimna wkoll mal-Uffiċjal tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Anthony Pisani, li spjega li l-vettura serviet anke taħt il-Forzi tal-Ajru Rjali.
Huwa spjega: “Serviet fl-RAF u anke fil-Korp tal-Pulizija fit-taqsima tat-tifi tan-nar tagħhom. Issa nistgħu nirrestawrawha u b’hekk nagħmluha fil-mużew tad-dipartiment li ’l quddiem bi ħsiebu jagħmel ħafna aktar vetturi li jintużaw mit-taqsima madwar Malta kollha.”
Komplejna nitkellmu ma’ Michael qalb il-fdalijiet u inġenji li għad għandu fl-għalqa ċkejkna ta’ familtu, u nassigurawkom li mawra s’għandu tieħdok lura fi żmien l-Ingliżi u żmien il-gwerra, bl-artifatti li għadu jżomm ta’ dak iż-żmien, bħal fliexken tal-luminata, arloġġi, ritratti u anke roti.
Esperjenzajna wkoll id-daqq tas-sirena tal-Gwerra mill-viċin.
Ma stajniex ma nistaqsux jekk hemmx vettura partikolari li għandha post speċjali f’qalbu.
Cachia kompla jfissrilna: “Għandi waħda, il-Morris is-sewda. Dik missieri kien imur biha għal San Ġorġ Preca. Mill-Ħamrun kien iniżżlu Birżebbuġa u Bengħajsa għall-quddies. Dik sabiħa.”
Illum Michael għandu 68 sena u kuljum iqatta’ ħin twil mal-karozzi, isewwi u jinnavika, jara x’hemm bżonn, u anke jħalli n-nostalġija ħelwa taħkmu hu u jaħdem.
Meta staqsejnieh qattx għaddietlu minn moħħu li jieqaf minn dan id-delizzju, bi tbissima ċkejkna ħalliena b’dan il-ħsieb: “Kieku mmut ta. Hekk hi l-ħajja tagħna. Sakemm nibqa’ ħaj nibqa’ nagħmlu.”