Il-flotta ta’ vetturi tal-għaqda volontarja St John Rescue Corps [KOO] se tkun qed tissaħħaħ permezz ta’ vettura elettrika li tista’ taċċessa żoni urbani u rurali ristretti. Din hi mgħammra wkoll b’tank tal-ilma u pompa tan-nar u tista’ tinstaq off-road.
Din il-vettura eATRV, b’investiment ta’ €20,000, topera b’mod sigur f’żoni li ma tistax taċċessa vettura normali tat-tifi tan-nar.
Dan l-investiment huwa l-frott tal-iskema VOPS, amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, faħħret lill-għaqda volontarja u qalet li din it-tnedija hija xhieda tal-fiduċja b’saħħitha li l-Gvern għandu fl-għaqdiet volontarji.
“Huwa proġett li kien sostnut minn waħda mill-iskemi tal-għaqdiet volontarji li permezz tagħhom qed naraw li, għall-ewwel darba f’pajjiżna, għandna vettura ta’ salvataġġ li kapaċi tidħol f’żoni li normalment ikunu ristretti għall-karozzi u vetturi li jkunu akbar.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju, Mauro Pace Parascandalo, qal li l-fondi amministrati mill-MCVS qed imorru għal proġetti li għandhom valur miżjud fis-servizz mogħti mill-għaqda fil-komunità.
Andrew Grech, il-Kap tal-Operazzjonijiet tas-St John Ambulance, iddeskriva dan il-proġett bħala wieħed innovattiv mhux biss għall-għaqda volontarja iżda wkoll għall-pajjiż inġenerali.
“B’dan il-proġett, is-St John akkwistat vettura elettrika, li hija xi ħaġa innovattiva, kemm għalina u anke f’Malta, vettura tat-tifi tan-nar elettrika. L-iskop ta’din il-vettura jagħtina ċerta mobilità u aġilità fil-passaġġi fil-kampanja, fejn b’vetturi ikbar ma nkunux nistgħu nilħquhom fejn l-għelieqi.”
Huwa nnota wkoll li din il-vettura se twassal għal inqas impatt ambjentali minn vetturi oħrajn.
F’dan il-proġett is-St John Rescue Corps ikkollabora mal-Federazzjoni tal-Heritage Parks biex voluntiera rangers jingħataw taħriġ professjonali u speċjalizzat f’sitwazzjonijiet ta’ nirien fi msaġar madwar Malta u Għawdex.
Intant, tnediet ukoll kampanja ta’ għarfien fuq il-midja soċjali għall-pubbliku biex jagħmel il-parti tiegħu biex jipprevjeni nirien tal-ħaxix u l-imsaġar.
Preżenti wkoll kien hemm il-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba, kif ukoll il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta , i-Kurunell Clinton O’Neill.