Veterinarju residenti l-Italja li kien ħoloq pandimonju minħabba l-kaċċa ta’ annimali selvaġġi li kien imur għaliha, tilef ħajtu waqt li kien fuq kaċċa għall-għasafar fl-Italja.
Ir-raġel ta’ 55 sena, Luciano Ponzetto, kellu klinika tal-veterinarji qrib Turin. Meta ftit tax-xhur ilu ħarġu diversi ritratti tiegħu fuq il-midja soċjali ma’ annimali selvaġġi li kien qatel, attivisti għad-drittijiet tal-annimali bdew kampanja kontrih.
Kien hemm saħansitra paġna fuq is-sit soċjali Facebook iddedikat partikolarment għalih biex jikxfu x’kien qed jagħmel. Il-veterinarju kien ircieva wkoll diversi messaġġi ta’ theddid.
Meta kienu ħarġu r-ritratti, Luciano Ponzetto kien iddefenda lilu nnifsu fejn qal li “li tkun veterinarju ma jfissirx li ma tistax tkun kaċċatur.”
Sfortunatament, Ponzetto żelaq fuq is-silġ u waqa’ 9 sulari waqt li kien fuq kaċċa għal għasafar selvaġġi. Hu tilef ħajtu fuq il-post u ġismu ttella’ b’ħelikopter.