Qed isir xogħol ta’ preservazzjoni fil-Forti Delimara, sit militari storiku importanti f’Malta
Għaxar veterani mir-Renju Unit qed jagħmlu xogħol volontarju f’Malta b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta u l-Forzi Armati ta’ Malta, bħala parti mill-proġett ta’ Alabaré li jismu ‘Boots on the Ground’ u li qed jitwettaq bejn it-3 u l-15 ta’ Mejju 2025.
Dawn il-veterani li temmew il-karriera militari, ingħataw għajnuna minn Alabaré – organizzazzjoni tal-karità bi djar u servizzi fl-Ingilterra u f’Wales. Din l-għaqda ilha mill-1991 ittejjeb il-ħajja tan-nies u llum tagħti appoġġ lil persuni bla dar, veterani, żgħażagħ, individwi għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali, u nies b’diżabbiltà fit-tagħlim.

Fit-80 anniversarju ta’ Victory in Europe Day, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit għal Malta Cathy Ward u l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit żaru l-Forti Delimara biex jiltaqgħu mal-voluntiera u jaraw ix-xogħol li sar.
Dan il-programm ta’ volontarjat li qed isir f’Malta għandu l-għan li jġiegħel lill-veterani jħossuhom utli, jagħtihom sens ta’ appartenenza u joffrilhom l-opportunità li jtejbu r-reżiljenza tagħhom u l-mod kif iħarsu lejhom infushom. Il-grupp ta’ veterani li ġie Malta jinkludi parteċipanti nisa u rġiel u l-akbar wieħed fosthom għandu 67 sena. Tnejn mill-veterani ħadu sehem fi proġetti simili f’Ġibiltà f’dawn l-aħħar sentejn.
Matul l-ewwel fażi, l-għan ewlieni kien li jsir xogħol ta’ preservazzjoni fil-Forti Delimara, sit militari storiku importanti f’Malta. Ix-xogħol tal-parteċipanti kien jinkludi tindif, tneħħija ta’ sadid, u xogħol ta’ żebgħa. Din il-ħidma se tgħin fil-ħarsien tal-istruttura tal-forti filwaqt li tiżgura li l-karatteristiċi storiċi tas-sit jibqgħu jitgawdew fil-ġejjieni. Il-parteċipanti kellhom ukoll l-opportunità li jżuru diversi siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta biex ikomplu jsebbħu l-esperjenza tagħhom f’Malta u japprezzaw aktar l-istorja, l-arkitettura u l-importanza militari tal-pajjiż.
Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li, “Din l-inizjattiva tirrifletti l-qalb tassew nobbli tal-veterani li minkejja t-tbatija li għaddew minnha, għażlu li jagħtu lura billi jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-wirt storiku tagħna. Il-proġett ‘Boots on the Ground’ huwa eżempju ċar ta’ kif il-kollaborazzjoni bejn nazzjonijiet tista’ twassal għal riżultati li jġibu valur mhux biss kulturali iżda anke uman. Nirringrazzja lil Heritage Malta, lill-Forzi Armati ta’ Malta u lill-organizzazzjoni Alabaré għal dan l-impenn li jseddaq ir-rispett reċiproku u l-valuri tal-komunità.”
Il-Kap Eżekuttiv Noel Zammit faħħar lil Alabaré għal din l-inizjattiva u radd ħajr lill-voluntiera għall-ħidma bir-reqqa li għamlu b’risq il-wirt kulturali Malti. Huwa qal li opportunità ta’ volontarjat ma’ Heritage Malta hija esperjenza li għandha tifsira profonda u li tagħti ħafna frott, kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin. Hija wkoll esperjenza li tabilħaqq iġġorr magħha l-ispirtu tas-slogan tal-aġenzija, ‘Parti Minna’.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Alabaré Andrew Lord qal, “Din il-kollaborazzjoni turi l-impatt pożittiv li jista’ jkun hemm fuq il-komunitajiet meta ssir ħidma flimkien. Dan il-grupp ta’ veterani, appoġġat minn Alabaré, wera kif il-qawwa tar-reżiljenza u t-tama tista’ ġġib trasformazzjoni sħiħa fil-ħajja tan-nies.”