“Mil-lum ‘l quddiem, int se tibda tissejjaħ ‘VERA IKONA’, il-mara li f’idejha żżomm ix-xbieha ta’ vera.” Minn hawn ħadet isimha il-mara li hemm diversi stejjer, xniegħat u leġġendi dwar min fil-verità setgħet kienet dik il-qalbiena, li xxuttat il-wiċċ Divin ta’ Kristu stampat fuq il-velu, waqt li kien tiela t-telgħa tal-kalvarju u li kellu jibqa’ meqjum għal diversi snin fost l-ewwel insara li bdew jimxu wara Ġesù.
Wara s-suċċessi li l-Kumpanija Teatrali Dun Mikiel Xerri, kellha bi produzzjonijiet bħal ‘Ġuda’, ‘Marija ta’ Magdala’, ‘Rebekah’ u s-sena l-oħra ‘Longinus’, din is-sena jmiss id-Dramm fi tlett atti; Veronika mill-pinna ta’ Etienne Micallef.
Dan id-dramm jolqot temi li llum saru parti minn ħajjitna, fosthom il-vjolenza domestika. Il-messaġġ ta’ dan id-dramm hu li meta t-toroq ikunu jidhru mudlama, bil-Mulej fil-ħajja tagħna nistgħu ngħellbu kull diffikultà. Hekk għamlet Serafja, permezz tal-Mulej irnexxielha ssalva l-familja tagħha; żewgha Sirak u binthom Afra, li kienet nieqsa mid-dawl.
F’dan id-dramm niltaqgħu ma’ Serafja (Veronika), li hi waħda mis-segwaċi ta’ Ġesù, bil-moħbi ta’ żewgha Sirak, li huwa Kunsillier tas-Sinedriju, u jsir jaf b’dak li jkun għaddej. Minħabba f’hekk Serafja ssofri s-swat u l-vjolenza ta’ żewġha. Iżda dan ma jżommhiex milli tkompli ssegwi lil Ġesù. Din il-mara twajba jirnexxielha ssir ħabiba wkoll ta’ ommu Marija u ta’ Marija ta’ Magdala. Sadanitant Sirak ikun għaddej bil-pjan tiegħu biex jara kif ser jagħmel u jaqbad lil Ġesù. Jiftiehem ma’ Ġuda, biex jgħinu jwettaq il-pjan u Ġesù jingħata f’idejn il-Qassisin il-Kbar. Wara, Ġesù jispiċċa quddiem Pilatu, u ma jsib l-ebda ħtija fih, iżda Sirak u l-ħabib tiegħu Żerah xorta waħda jibqgħu jinsistu li għandu jingħata l-mewt. Serafja xorta waħda tibqa’ ssegwi lil Ġesù, akkost ta’ kollox, tant li baqghet miegħu anke meta kien qed iġorr is-salib għall-Golgota. Kienet hi ukoll li talbet bil-ħniena liċ-Ċenturjun Longinus, biex iħalliha mqar timsaħ dak il-wiċċ Divin mid-dmija.
B’direzzjoni ta’ Paul Aquilina u Alfred Vella dan id-dramm, Veronika, ser jittella’ fis-sala tal-Iskola Primarja, San Bastjan, Ħal Qormi, nhar is-Sibt 6 t’April fis-7:00 ta’ filgħaxija u l-Ħadd 7 t’April fis-2:30 ta’ wara nofsinhar. Għal aktar informazzjoni ċemplu fuq 79467196 jew idħlu fil-paġna ta’ Facebook – Kumpanija Teatrali D.M.X.