Wara li l-Ġimgħa filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-investiment li sar fl-iskola Primarja ta’ San Nikola fir-Rabat, dan l-istazzjon silet ir-reazzjoni ta’ uħud minn dawk li f’din l-iskola se jkunu qegħdin iqattgħu parti sostanzjali mill-ġurnata taghħom, jew bħala l-post tax-xogħol jew inkella bħala l-post fejn jirċievu l-edukazzjoni formali tagħhom.
Fost dawk li tkellimna magħhom kien hemm Sarah Agius li hi għalliema f’din l-iskola u li magħna spjegat parti mix-xogħol li sar b’mod partikolari fil-klassijiet li issa jiffaċilitaw aktar l-edukazzjoni ħolistika.
“Bażikament għandna klassijiet ikbar, aktar arjużi t-tfal għandhom ukoll imwejjed aktar sbieħ, jiġifieri nistgħu naqduhom aktar fi gruppi. Dak anki jgħinna meta nagħmlu ħafna ‘group work’ ukoll fil-lezzjonijiet.”
Fil-fatt din l-iskola hi mgħammra bi tlieta u tletin klassi ġdida li se jakkomodaw madwar erba’ mitt tifel u tifla.
Madanakollu, l-investiment li kien ta’ madwar tlieta punt ħames miljun ewro ma kienx limitat biss għall-postijiet fejn l-istudenti jirċievu biss l-edukazzjoni b’mod formali.
Anzi dan l-investiment ħaseb ukoll li jagħti l-ispazju mistħoqq lill-edukazzjoni b’mod ħolistiku, dan inkluż spazji fejn l-istudenti jkunu jistgħu jirrikreaw ruħhom filwaqt li jkollhom ukoll faċilitajiet tal-ogħla livell fosthom ‘indoor gym’ fejn il-lezzjonijiet marbuta mal-edukazzjoni fiżika jistgħu isiru b’mod aktar komdu, kif tistqarr l-għalliema Agius.
“Għandna wkoll btieħi akbar, għandna wkoll il-gym, fejn konna qabel jekk kienet ix-xita ma stajniex eżempju jkollna l-lezzjonijiet tal-fiżika barra issa eżempju għandna l-gym fejn jista’ jkollhom, jekk tkun ix-xita jew temp ħażin, jista’ jkollhom il-lezzjoni hemmhekk.”
Ma naqasx li dan l-istazzjon jieħu wkoll ir-reazzjoni ta’ uħud mill-istudenti ta’ din l-iskola li se jkunu qegħdin jattendu fiha ta’ kuljum.
Hawnhekk wieħed seta’ jinnota l-ottimiżmu ta’ dawn l-istudenti li issa għandhom skola li rat investiment massiċċ li se jirrifletti fil-pożittiv fl-esperjenza edukattiva tagħhom.
Għaldaqstant, dan l-istazzjon staqsa żewġ studenti għar-reazzjoni tagħhom, fejn b’mod partikolari qalulna x’jogħġobhom l-aktar fl-iskola tagħhom.
“Il-gym, il-bitħa l-kbira u l-klassijiet vera sabiħa din l-iskola.”
“L-iskola l-ġdida għandna iżjed spazju fejn nilgħabu, għandna l-ACs iġifieri m’għandniex għalfejn noqgħodu fis-sħana. Il-bitħa ikbar, għandna l-gym għax jekk tkun ix-xita ma konniex nistgħu nagħmlu barra issa nistgħu nagħmluha xorta.”
Dan l-investiment bla preċedent jgħaqqad ma’ investimenti oħra li saru fil-qasam edukattiv ta’ pajjiżna, filwaqt li nkluda fih ukoll miżuri b’rabta mas-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li jkunu fiha fosthom bl-installazzjoni ta’ kameras tas-sigurtà, alarms u miżuri oħra.
Dawn ingħaqdu ma’ xogħol anċillari ieħor bħal servizzi ġodda tad-dawl u l-ilma flimkien ma’ dawk tal-internet.