Venezja, għal ħafna, jfisser post ta’ xeni sbieħ u romantiċiżmu. Iżda jaf jibda jfisser post fil-periklu.
Il-Unesco qed jikkonsidra li jpoġġi l-belt Taljana f’lista ta’ postijiet f’riskju sas-sena d-dieħla, minħabba l-preżenza qawwija ta’ cruiseliners. Kumitat responsabbli mill-patrimonju esprima tħassib li sejjaħlu ‘estrem’ għall-istat tal-kanali tal-ilma, u approva reżoluzzjoni li titlob li jkunu projbiti vapuri u tankers sa Frar li ġej.
Qalu wkoll li l-iżvilupp qed jikkaġuna ħsara irriversibbli lill-ekosistema delikata ta’ Venezja, b’nuqqas ta’ pjanar arkitettoniku u konsistenza fl-iżvilupp.
Ta’ kull sena, Venezja tara aktar minn 25 miljun turist, fosthom ħafna Maltin. Dan qed iqanqal ħafna dibattitu bejn ambjentalisti u l-industrija tat-turiżmu. Il-Uneso qed iħeġġeġ lill-Gvern Taljan jimplimenta pjan strateġiku sabiex iwaqqaf il-cruis liners, inkella jkun hemm problemi.
Bħalissa l-pont Rialto għaddej minn restawr ta’ €5 miljun, iffinanzjati minn Renzo Ross, sid id-ditta famuża Diesel. Dan huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti pjanati madwar il-pajjiż, inkluż ir-restawrt tal-Kolossew f’Ruma. Illum-il ġurnata, minkejja l-influss qawwi ta’ turisti, Venezja jgħixu madwar 50,000 ruh – terz biss mill-popolazzjoni li kienet tgħix fis-seklu 18.