“Dak ikkonfermat illum fil-Qorti hu vendetta politika kontrija b’timing elettorali.”
Hekk saħaq l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet wara li fil-Qorti kienet qed tinstema’ kawża li fetaħ Dr Muscat biex il-Maġistrat Gabriella Vella tirrikuża ruħha iżda fl-istess seduta fil-Qorti sar magħruf li l-Maġistrat ikkonkludiet l-inkjesta Maġisterjali dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, wara erba’ snin u nofs u għażlet il-jum ta’ meta fetħu n-nomini għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej biex tagħti r-rapport tagħha.
Dr Muscat innota kif dan seħħ ironikament seba’ snin eżatt wara li ħarġet il-gidba Egrant fuqu u fuq familtu.
Joseph Muscat qal li hu ma jibżax mill-verità u nnota t-timing elettorali tas-saga kollha.
“It-timing politiku lanqas għandi llum il-ġurnata l-iċken dubju minnu. Kumbinazzjoni r-rejd ukoll li kienu jafu bih ċertu nies, u ġew ċertu nies min-naħa ta’ Repubblika jissindikaw quddiem id-dar tiegħi biex jieħdu pjaċir jaraw il-pulizija deħlin id-dar tiegħi, ġara ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2022 u kumbinazzjoni t-tmiem ta’ din l-inkjesta seħħ ftit ġimgħat qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u Kunsilli Lokali.”
Dr Muscat innota kif l-għaqda Repubblika issa qed tgħid illi l-konklużjonijiet tal-inkjesta għandhom isiru pubbliċi, meta din l-istess għaqda ilha x-xhur tindika li taf x’inhuma dawn il-konklużjonijiet.
Fl-istess ħin l-ironija hija li Repubblika ilha żmien twil tagħmel reżistenza sħiħa kontra l-pubblikazzjoni ta’ dokument partikolari li juri li l-proċess tal-Inkjesta huwa wieħed ivvizjat.
Dr Muscat saħaq li l-proċess tal-inkjesta kien wieħed miżgħud bil-leaks u dan ikompli jikkonferma n-nuqqas ta’ fiduċja tiegħu fil-Maġistrat Vella, li qraba tagħha għamlu diskors partiġġjan.
Żied li hemm istituzzjonijiet li bħalissa qed jaħdmu kontra l-Laburisti u kontra kull min mhux lest li jimxi id f’id ma l-establishment li għadu ma fehemx li l-poplu ilu 20 sena jirrifjutah.