L-iskalin se jgawdu minn venda ewlenija fir-raħal aktar sigura u moderna grazzi għal investiment ta’ €260,000. Din il-venda f’sena waħda biss kapaċi tara man-nofs miljun passiġġier.
Il-Gvern laqgħa t-talba tal-Kunsill Lokali tal-lokalità dwar dan il-proġett, minħabba li sa ma qabel beda x-xogħol fuqha l-venda kienet mitluqa u perikoluża, kif spjega s-Sindku Mario Calleja.
“Kienet venda antika, kollha sadid, u ma kinitx tixraq il-post partikolari. Huwa tajjeb li rridu nagħtu servizz tajjeb u rridu li aktar persuni jużaw it-trasport pubbliku nagħtuhom xi ħaġa sabiħa.”
Bit-titjib li sar din il-venda issa tista’ tilqa’ 25 persuna, u se toffri servizz ta’ Wi-fi b’xejn u magni tal-ikel u x-xorb. Din se toffri wkoll protezzjoni ta’ aktar minn 99% mir-raġġi tax-xemx, u sarilha pavimentar apposta għal min huwa nieqes mid-dawl.
Waqt żjara fuq il-post il-Ministru Ian Borg fakkar kif dan sar ukoll bħala parti minn titjib nazzjonali li qed isir fuq il-waqfiet ta’ Tal-Linja, li attwalment jgħoddu l-400.
“Importanti li l-Gvern jiżgura li min juża t-trasport pubbliku, li diġà huwa numru kbir ta’ nies imma aħna nixtiequ li jkunu iżjed, u filfatt nagħtu t-trasport b’xejn lil diversi faxex tas-soċjetà, dawn ikunu moqdija tajjeb. Irridu li jkollhom il-kenn u d-dell, u allura investimenti bħal dawn huma importanti biex is-servizz jibqa’ sostenibbli.”