Saret iċ-ċerimonja fil-Knisja tal-Università fil-Belt, fejn il-professur Juanito Camilleri jgħaddi r-rettorat tal-Università ta’ Malta lill-Professur Alfred J. Vella. Din hija l-ewwel ċerimonja ta’ dan it-tip li qed issir f’pajjiżna u ppreseduta mill-kanċillier, il-Professur David Attard.
Hawn ġiet introdotta mill-ġdid il-mazza ċerimonjali tal-fidda li issa se tibda tintuża wkoll fil-ftuħ tas-sena akkademika. Din tirrappreżenta l-awtonomija tal-università u l-integrità akkademika tagħha. Il-professur Camilleri kien ilu rettur mill-2006 u ggradwat fix-xjenza tal-computer mill-Università ta’ Kent fl-Ingilterra.
Għamel snin jaħdem fis-suq riċerkattiv Ingliz mal-Università ta’ Cambridge, qabel ma ħa l-kariga ta’ professur tal-‘entrepreneurship and business incubation’ fl-Universita ta’ Malta. Il-Professur Alfred Vella ggradwa b’baċellerat fil-fiżika u l-kimika mill-Università ta’ malta u b’masters fil-ġeokimika mill-Colorado School of Mines fl-Amerka.
Serva bħala kap tad-dipartiment tal-kimika fl-Università ta’ Malta u anke dekan tal-Fakultà tax xjenza. Ilu mill-2006 li jservi bħala pro-rettur għall-affarijiet akkademiċi, filwaqt li b’mod kontinwu kkontribwixxa fir-riċerka dwar il-kimika ambjentali.