“Jien ġejt mhedda mill-Partit Nazzjonalista.”
Hekk kitbet mart il-Kap Tal-Oppożizzjoni, Nickie Vella De Fremeaux fuq il-profil tagħha ta’ Facebook meta reġgħet fetħet il-kanuni fuq il-kap tal-midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli.
Fuq Facebook, Vella De Fremeaux fissret kif Pierre Portelli kiser il-liġi tal-copyright meta seraq id-dramm “Fattigi”.
Meta kienet qiegħda twieġeb messaġġ ta’ Paul Borg, kanvasser ewlieni ta’ Adrian Delia, Nickie Vella De Fremeaux qalet li ġiet mhedda mill-Partit Nazzjonalista għax iddefendiet lil Sandro Vella, li Pierre Portelli allegatament seraqlu d-drama “Fattigi”.
“I am not wanted by the Party “ kitbet Vella De Fremeaux.
Hija żiedet tgħid li ma jriduhiex fil-Partit Nazzjonalista li jmexxi żewġha Adrian Delia.
L-avukat Vella De Fremeaux qalet li s-silenzju min-naħa ta’ Pierre Portelli huwa prova biżżejjed ta’ dak li temmen hi, li d-dramm “Fattigi” huwa ta’ Sandro Vella, u li nsteraq minn Portelli.
Hija żiedet tgħid li dan huwa każ kriminali, u insistiet li l-id il-leminija ta’ żewġha għandu jiskuża ruħu kemm ma’ Sandro Vella, il-kittieb tad-dramm, u kemm mas-segwaċi tal-midja Nazzjonalista.
Intant sorsi fil-Parit Nazzjonalista qalu li din ma kinitx l-ewwel darba li Pierre Portelli għamel tiegħu idea ta’ programm televiżiv bi ksur tal-liġi.
Fl-2007, il-programm famuz mad-dinja Big Brother kien għamel protest ġudizzjarju kontra l-kumpanija ta’ Pierre Portelli Watermelon bħala l-producers tal-programm l-Ispjun, minħabba allegat ksur tal-liġi tal-copyright.
Huma kienu żammew lilll-kumpanija ta’ Pierre Portelli responsabbli għad-danni, u qalu li l-kumpanija kienet aġixxiet b’intenzjoni ħazina u ħadu vantaġġ kummerċjali minn drittijiet li ma kinux tagħhom.