Nickie Vella de Fremeaux ċanfret pubblikament lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wara li pprova jieħu vantaġġ politiku mill-każ sfortunat tat-tarbija li l-Ġimgħa li għadda ġiet abbandunata minn ommha f’Buġibba.
Tard is-Sibt filgħaxija fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia rabat il-każ taċ-ċkejken Cristiano u ommu ma’ numru ta’ inċidenti u argumenti li seħħu fl-aħħar ġimgħat.
Qal li l-każ tat-tarbija tat-twelid abbandunata f’Buġibba qiegħed iwassal biex nitilfu l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ħarsien tal-liġi u li Malta qiegħda tispiċċa pajjiż bla ruħ.
Iżda dlonk waslet iċ-ċanfira ta’ mart il-Kap tal-Oppożizzjoni Nickie Vella de Dremeaux li fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook qaltu ċar u tond li ma taqbilx miegħu. Waqt li tteggjatu f’kitbitha, qaltlu li l-każ ta’ din l-omm mhux kif qal hu, jiġifieri riflessjoni ta’ soċjetà li qiegħda titlef ruħha.
“Jiddispjaċini ngħidlek li ma naqbel assolutament xejn miegħek li poġġejt dan il-każ fl-istess keffa mal-fatt li tarbija ġiet abbandunata. Dan il-każ ta’ dwejjaq u ta’ qsim il-qalb ma jagħmilx din l-omm riflessjoni ta’ soċjetà li qiegħda titlef ruħha”, qalet Vella De Fremeaux lill-Kap Nazzjonalista.
Hija żiedet tgħidlu li bħala avukat tal-familja u persuna li ilha tittratta ma’ każijiet soċjali għal aktar minn għoxrin sena, kull persuna għandu jew għandha l-istorja tagħha u ħadd ma jista’ jkun jaf iċ-ċirkostanzi li wasslu lil din l-omm biex taġixxi b’dan il-mod li jmur kontra n-natura tagħna.
Mart Delia temmet tgħid lil żewġha li omm Cristiano għandha bżonn l-għajnuna u mhux nies bħalu li ħarġu jiġġudikawha.
B’reazzjoni għall-kritika ta’ martu, il-Kap Nazzjonalista kellu jċedi u neħħa r-referenza għall-każ tat-tarbija f’kemm trodd salib.