Il-mara tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia Nickie Vella de Fremaux fetħet attakk fuq Pierre Portelli, il-kap tal-midja tal-Partit Nazzjonalista u l-id il-leminija tal-Kap tal-Partit Adrian Delia.
F’messaġġ twil fuq il-profil tagħha ta’ Facebook, Vella de Fremaux akkużat lil Portelli li seraq sensiela televiżva miktuba mill-kittieb Sandro Vella u stqarret li tħossha umiljata bl-azzjoni ta’ Portelli.
Id-drama Fattigi huwa produzzjoni tal-kumpanija ta’ Portelli, Watermelon Media u tixxandar fuq l-istazzjon tal-partit Nazzjonalista NET TV. Fl-aħħar xhur Portelli wieġeb għall-kritika li saritlu minn bosta fil-partit dwar konflitt ta’ interess.
Madankollu fuq il-profil tagħha ta’ Facebook, Vella de Fremaux akkużat lil Portelli li seraq id-drama li nkitbet minn Sandro Vella.
Waqt li kkwotat il-liġi tal-copyright, Vella De Freamux qalet li l-ksur ta’ din il-liġi jorbot miegħu piena ta’ ħabs ta’ tliet snin u multa ta’ aktar minn 11-il elf ewro.
Hija żiedet tgħid li huwa illegali li tħassar l-identità tal-persuna u tibdel l-isem tiegħu ma’ dak ta’ impustur. F’dan il-każ dak li ġara,” kitbet mart il-kap tal-oppożizzjoni . Hija żiedet tgħid li dan huwa riżultat tal-fatt li xi ħadd ma jafx il-liġi u ma kkonsultax mal-avukati tiegħu qabel kien tard wisq.
Hija żiedet tgħid li qagħdet lura milli tikteb dwar din il-kwistjoni għax tikkonċerna żewġt iħbieb tagħha.
Hija żiedet tgħid li ħassitha urtatha min-nuqqas ta’ interess inkluż mill-ġurnalisti li jirrapportaw dwar dan l-att allegatament kriminali li weġġgħa b’mod krudili lil Vella għal xhur sħaħ li wasslu biex safa misruq mill-proprejtà u d-drittijiet tiegħu.
Fit-twegiba tiegħu, Pierre Portelli qal lil Vella de Fremuax li hija m’għandha l-ebda idea tad-dettalji dwar dan l-episodju f’ħajtu.
Huwa qalilha li belgħet il-gideb u nofs veritajiet iżda ma sabitx il-ħin biex tisma’ n-naħa l-oħra tal-istorja.
Huwa qalilha li m’għadhiex idea minn xiex għaddih Vella, lil martu u lil nies oħrajn.
Huwa akkużaha li ħalliet lilha nnifisha tintuża kontrih u l-familja tiegħu, konta Medialink u fl-aħħar mill-aħħar kontra l-partit li jmexxi żewġha Adrian Delia.
F’messaġġ separat, Sandro Vella stieden lil Portelli biex joħroġ id-dettalji fil-pubbliku u żied jgħidlu li m’għandu xejn x’jaħbi.