Mix-xahar id-dieħel, dawk li jsofru mill-kundizzjoni tal-Phenylketonuria, magħrufa fil-qosor bħala PKU, se jingħataw vawċers ta’ €65 fix-xahar sabiex ikunu jistgħu jsegwu d-dieta speċifika addattata għall-kundizzjoni tagħhom.
Il-PKU hija kundizzjoni rari u potenzjalment serja, li tintiret. Min ikun ibati biha ma jkunx jista’ jipproċessa l-proteini.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, meta kien qed jitkellem waqt id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-estimi ġenerali tal-Ministeru għas-Saħħa għas-sena d-dieħla.
Hawn qal ukoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie rrappurtat fil-ġimgħat li għaddew, il-Gvern se jkun qed jirdoppja n-nefqa tiegħu fuq il-continuous glucuse monitors, apparat kruċjali sabiex il-ħaddiema tas-settur tas-saħħa jkunu jistgħu jaqraw il-livell taz-zokkor fid-demm tal-pazjenti bil-kundizzjoni tad-dijabete.
Huwa qal, “Se nkunu qegħdin inkomplu nestendu dan is-servizz għal etajiet akbar. Tant hu hekk – mhux kif qalu n-Net ftit tal-ġimgħat ilu, fejn qalu li naqqasna – tant hu hekk, li l-vot għall-continuous glucose monitors minn €940,000 li hemm ivvutati din is-sena, se jitla’ għal €1.8 miljun is-sena li ġej. Se nirduppjawh.”
Fost investimenti oħra, Fearne ħabbar ukoll li matul is-sena d-dieħla se jinbnew numru ta’ bereġ tas-saħħa fil-komunitajiet madwar il-pajjiż, b’mod speċjali f’Għawdex. Apparti minn hekk, is-sajf li ġej se jinfetaħ iċ-ċentru reġjonali ġdid f’Raħal Ġdid – ċentru li ġie deskritt bħala sptar ġdid, għax se jinkludi fih sala ġdida tal-emerġenza, swali tal-operazzjonijiet ġodda, u kliniċi tal-kura tas-snien, fost l-oħrajn. Dan iċ-ċentru huwa maħsub biex inaqqas id-domanda ta’ ċerti servizzi mill-Isptar Mater Dei, sabiex anke dan ikompli jkun aktar effiċjenti.
Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li s-sena li ġejja, se jibda l-proċess biex il-kontraċettivi jkunu aċċessibbli bla ħlas. Dan il-proċess se jiġi kkumplimentat ukoll b’kampanja edukattiva estensiva fuq dan is-suġġett, sabiex jiġu indirizzati problemi bħall-mard sesswali u t-tqala mhux pjanati. Apparti minn hekk, se jiżdiedu wkoll is-servizzi tas-saħħa fil-GU Clinic tal-Isptar Mater Dei.
Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li bħalissa għaddej stħarriġ estensiv sabiex tinġabar informazzjoni dwar l-attitudni u l-prattiċi tal-poplu Malti fejn tidħol is-saħħa sesswali; stħarriġ se jwassal għal politika ġdida li se tiġi żvelata s-sena d-dieħla.
Fil-Parlament sar aċċenn ukoll għad-differenza fil-politika tas-Saħħa tal-Gvern u dik tal-Oppożizzjoni, hekk kif id-Deputat Prim Ministru stqarr li kieku dak li hemm miktub fil-pre-Budget document tal-Partit Nazzjonalista jsir realtà, is-sistema tas-saħħa ta’ Malta tfalli.
Fost affarijiet oħra, huwa nnota proposta f’dan id-dokument li tisħaq fuq it-tneħħija tal-mediċini ġeneriċi.
Huwa nnota, “Biex nibqgħu nagħtu l-istess mediċini rridu nħallsu seba’ darbiet aktar u l-baġit ta’ biljun ewro li għandna għas-saħħa kollu, lanqas iservi għall-mediċini biss. Li kien għall-Partit Nazzjonalista, li kieku huma qed imexxu u se jagħmlu din, is-sistema tas-Saħħa tagħna tikkrolla. Ma jistax ikun li ma jkollokx mediċina ġenerika fil-pajjiż.”
Id-Deputat Prim Ministru għamel aċenn ukoll għal uħud mill-iżbalji fattwali tal-Partit Nazzjonalista. Huwa nnota li d-darbtejn fejn id-dokument li jallega li l-ispiża tal-Gvern se tonqos, kienu t-tnejn li huma żbaljati.
Tenna jgħid, “Allura l-Kap tal-Oppożizzjoni lanqas kapaċi, abjad fuq l-iswed, jara l-figuri, u figura ta’ sitt mija u tmenin elf, jgħid li s-sena d-dieħla se jkollna tmenin elf biss, u li naqset bin-nofs – ma tistax tieħdu bis-serjetà.”