Fi stqarrija li għamel ma’ ONE News, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-futbol, l-MFA, Bjorn Vassallo saħaq li m’għandux l-iċken indiema dwar dak li eżegwit l-MFA matul l-aħħar ġimgħat permezz tal-istrutturi tagħha għaliex dak kollu li sar huwa fuq bażi ta’ fatti, evidenza u dejjem fir-rispett tar-regolamenti tal-MFA.
Is-Sur Vassallo tkellem fuq it-telefon ma’ ONE News wara li l-President tal-klabb tal-futbol ta’ Valletta Victor Sciriha talab għar-riżenja ta’ Vassallo u għamel allegazzjonijiet.
Il-President tal-MFA qal li huwa seren ħafna għaliex kull allegazzjoni li tkellem dwarha is-Sur Sciriha hija infondata, fosthom li Vassallo mar jiċċelebra x’imkien meta kien Segretarju Ġenerali tal-MFA.
Bjorn Vassallo qal li m’għandux għalfejn jidħol fil-mertu ta’ dak li qal is-Sur Sciriha u għada se jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn se jingħataw dettalji tal-proċess kollu li wassal għal-laqgħa tal-kunsill tal-MFA li fiha ttieħdet id-deċiżjoni li Floriana jkunu ddikjarati ċampjins tal-kampjonat Malti.
Qal li f’din il-konferenza se jirrispondi għal kull allegazzjoni li saret bla bażi.
Is-Sur Vassallo rrimarka li huwa jinsab iffukat fuq il-materja tal-futbol u qal li huwa ħa gost li sema’ li s-Sur Sciriha qal li se jibqa’ President tal-klabb Belti għaliex fl-aħħar snin kellu storja ta’ success.
Segwi l-istqarrija li ta l-President tal-MFA, Bjorn Vassallo lil ONE News.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/05/26/bil-filmat-sciriha-ma-jrid-l-ebda-unur-minn-idejn-il-president-tal-mfa-u-jitlob-ghar-rizenja-tieghu/