Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassollo, wieħed mill-ftit deputati li ħareġ għonqu għall-Kap Nazzjonalista Adrian Delia spiċċa fil-mira diretta tal-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista.
Fost oħrajn qalulu biex joqgħod kwiet, li għandu moħħu ta’ piżella u li waqt li jippontifika dwar l-għaqda qiegħed ixerred il-mibegħda.
Vassollo spiċċa fil-mira wara li s-Sibt li għadda mar Facebook jistaqsi minn qiegħed iħallas lill-blogger Manuel Delia.
Dan wara li dan tal-aħħar reġa’ għamel bosta insinwazzjoni gravi fuq il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia meta fil-blogg tiegħu staqsa jekk Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ħallasx il-kampanja ta’ Adrian Delia fit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Kien hawn li l-fazzjoni ta’ Busuttil sabet ix-xoqqa f’moxtha biex tattakka lil Vassallo. L-ewwel li wieġbu kien Andrew Borg Cardona qallu biex joqgħod kwiet għax jaqta’ figura aħjar.
Miegħu kompla David Griscti, l-ex President tal-AŻAD li fl-aħħar jiem qal li Delia biex jitlaq mill-Partit jew inkella jniżżluh huma b’sabta.
Għall-ewwel stqarr li aħjar ma jgħid xejn. Iżda ma damx ma bdielu u aktar tard akkuża lil Vassallo li qiegħed jiffomenta l-mibegħda u qiegħed jagħmel l-istess bħal meta Adrian Delia ħareġ jattakka lil Daphne Caruana Galizia.
Huwa żied jakkużah ukoll li qiegħed iqajjem il-mibegħda kontra Manuel Delia.
Qallu li dan mhux pass għaqli, iżda attakk fuq il-libertà tal-espressjoni.
Fl-istorja daħal ukoll l-ex kandidat Nazzjonalista Norman Vella u akkuża lill-fazzjoni ta’ Delia li qegħdin jgħaffġu.
Żied jgħid li l-isforzi li qiegħed jagħmel ħaddieħor hemm min irid iġibhom irmied.
Qallu li l-mistoqsija tiegħu kienet mgħobbija b’insinwazzjonijiet gravi u li kellu jiċċara. Akkużah li qed isaħħan l-irjus kontra Manuel Delia u li qed jagħmel kampanja moqżieża kontrih.
Vassallo spiċċa wkoll fil-mira ta’ Kristina Chetcuti, is-sieħba tal-ex Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
F’kitba fis-Sunday Times of Malta qalet li Vassallo għandu moħħ ta’ piżella.
Qalet li bħalissa Vassallo qiegħed jieħu kull opportunità biex minn wara l-mikrofonu tar-radju tal-partit, jippontifika dwar l-għaqda waqt li jobżoq il-mibegħda fl-istess ħin.
Is-sieħba ta’ Busuttil, qalet li fil-Parlament tgħoddhom fuq subgħajk id-deputati ta’ stoffa u li l-maġġoranza tagħhom huma medjokri.
Dan l-attakk wassal għal reazzjoni oħra minn Vassalo li fuq Facebook u qalilhom li min qed jiżira l-firda ma jistax jaħsab l-għaqda.
Ir-reazzjoni tal-fazzjoni Busuttil waslet f’tebqa’ t’għajn mill-ex kandidat Wayne Hewitt u b’ċiniżmu staqsih jekk kienx qed jgħid għalih?!