Waqt konferenza, imtellgħa mill-Aġenzija Żgħażagħ bit-tema ‘We Need Youth’, li laqqgħet flimkien għadd ta’ entitajiet governattivi u stakeholders oħrajn governattivi bil-għan li jiddiskutu l-pass li jmiss biex ikomplu jiġu imbottati ideat validi u innovattivi taż-żgħażagħ is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, saħaq fuq ir-rwol kruċjali li għandha din il-faxxa tas-soċjetà.
Il-konferenza ttrattat kif tali ħsibijiet żagħżugħa jistgħu jservu bħala soluzzjonijiet anke għal problemi dinjin, bħal pereżempju t-tibdil fil-klima.
Azzopardi Tanti qal li l-Gvern għandu rwol ċentrali biex jindokra t-tranzizzjoni mit-tfulija u l-addoloxxenza sakemm eventwalment isiru adulti f’pajjiżna.
Fost dawk li għamlu l-interventi tagħhom fil-konferenza kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, li ttrattat anke l-portafoll importanti li għadu kemm ġie assenjat lil Glenn Micallef, bħala n-nominat Malti għall-Kummissjoni Ewropea.
Spjegat kif għandna nħarsu lejn iż-żgħażagħ b’mod differenti minn kif inħarsu lejhom, għax huma preżentament qed jifformaw il-futur tad-dinja, waqt li l-entitajiet governattivi huma impenjati li jkomplu jaħdmu fosthom biex jagħtu kontribut favur dinja aħjar.
Fakkret li l-Aġenzija Żgħażagħ matul is-sajf jissoktaw f’ħidma u joħolqu numru ta’ programmi għat-tfal, li jservu bħala edukazzjoni addizzjonali fuq dak li diġà jirċievu fl-iskejjel.
“Iż-żgħażagħ huma l-qalb tas-soċjetà. Illum f’soċjetà, li aktar qed issir anzjana, naħseb li rridu nħarsu lejn iż-żgħażagħ b’mod aktar ħolistiku. Irridu nħarsu lejn iż-żgħażagħ b’enerġija, pożittività, għax dawn huma li, fil-verità, se jġibu l-innovazzjoni fis-soċjetà tagħna.”
MIRIAM TEUMA
Simili, is-Segretarju tal-Kunsill Nazzjonali taz-Żgħażagħ, Sarah Xuereb, spjegat kif huma joħolqu numru ta’ proġetti, fosthom dak li sar ftit tal-jiem ilu, il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Din l-okkażjoni reġgħet tat l-opportunità lill-ġenerazzjoni żagħżugħa biex ikunu parteċipi f’seduta fejn ġew diskussi mozzjonijiet li ħadu fuqhom huma stess.
“Il-KNŻ, l-għan l-aktar importanti tiegħu hu li dejjem jagħti vuċi liż-żgħażagħ u jirrappreżenta liż-żgħażagħ u jirrappreżenta liż-żgħażagħ kemm f’Malta kif ukoll fuq livell internazzjonali. U ġimgħa ilu kellna l-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ fejn hi avveniment li jsir kull sena fejn nagħmlu simulazzjoni tal-Parlament u żgħażagħ Maltin u Għawdxin bejn l-eta ta’ 13 u 30 sena jkunu jistgħu jiġu u jsemmgħu leħinhom.”
SARAH XUEREB