Għat-tieni sena konsekuttiva se jittella’ l-Malta World Music Festival. Festival li se jsir fit-18 u d-19 ta’ Mejju fil-Forti Sant’Iermu.Dan il-festival, wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, u fl-isfond u bil-kollaborazzjoni ta’ Valletta2018, se jkun ikbar u aħjar, bis-sehem ta’ artisti Maltin u Internazzjonali.
Artisti li jġibu flimkien numru ta’ stili mużikali minn madwar id-dinja.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet li ħabbret dan il-festival, id-direttur tal-festival, Renzo Spiteri, stqarr li dan il-festival, li qabel kien prattikament jagħmel parti mill-Għana Fest, illum għandu l-identità tiegħu li qed tikber u tiġbed l-interess internazzjonali, minħabba l-varjetà offruta, imma anke bis-sehem ta’ fama internazzjonali bħal Afro Celt Sound System.
Iktar dettalji u l-biljetti għal dan il-festival jistgħu jinkisbu mis-sit http://www.maltaworldmusicfestival.org/