Fl-ewwel ġurnata tal-Mediterrane Film Festival ġew varati l-prinċipji li fuqhom ser tkun ibbażata l-Istrateġija Nazzjonali tal-Films sal-2030.
Dawn il-prinċipji jinkludu edukazzjoni fil-films, żvilupp ta’ talent, investiment fl-infrastruttura, titjib fl-inċentivi fiskali offruti lill-produtturi kif ukoll kooperazzjoni internazzjonali.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Kummissarju tal-Films Johann Grech.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif fl-aħħar snin l-għarfien lokali dwar l-industrija tal-films żdied b’mod sostanzjali.
“Jeħtieġ pjan fit-tul li jassigura futur li permezz tiegħu l-industrija tal-films f’Malta ssir fost il-kontributuri ewlenin tal-ekonomija Maltija. Nemmnu li fadal ħafna xi jsir iżda għandna r-rieda li nilħqu din il-mira ambizzjuża.”
Ministru Clayton Bartolo
Intant, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech semma kif il-Mediterrane Film Festival huwa eżempju ċar ta’ kif Malta qiegħda ssaħħaħ bil-kbir il-viżibilità tagħha fuq skala internazzjonali.