Twaqqfet taqsima governattiva ġdida speċjalizzata fuq id-dipendenzi mid-droga, bil-għan li ssaħħaħ il-ħidma tal-professjonisti meta jiġbru informazzjoni xjentifika, li mbagħad isservi bħala linja-gwida għall-policies nazzjonali marbutin mas-suġġett.
In-National Drugs and Addiction Unit, l-NDAU, ġiet stabbilita permezz tal-Att Legali 285 taħt l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, li mistenni jagħti personalità legali distintiva u mandat ċar biex tħares u tikkontribwixxi għal strateġiji nazzjonali li jindirizzaw kwistjonijiet relatati mad-dipendenza.
Il-qafas legali jinkludi responsabbiltajiet u strutturi ta’ governanza, li jappoġġjaw aktar xogħol ibbażat fuq evidenza, li hi xjentifikament indipendenti, u skont l-ogħla standards f’dan il-qasam.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, spjega kif din it-taqsima se tkun qed issaħħaħ il-ħidma ħolistika kontra d-dipendenza mid-droga.
Qal li l-messaġġ hu li d-dipendenza ġġibek skjav u mingħajr ebda kontroll, waqt li l-Gvern qed jagħmel l-almu kollu biex jeduka, jevita u jikkordina politika li tilqa’ għall-isfidi marbutin mal-vizzji.
“L-importanza tal-lum hi li, jekk se nagħmlu xi ħaġa, nagħmluha b’mod li jkun informat, b’mod li jkun jirrifletti dak li hemm hemm barra, it-twaqqif ta’ dan il-unit li jiġbor informazzjoni fuq dawk li huma l-abbużi, il-vizzji, fil-qasir hu pass ’il quddiem li, għalkemm, ilna nwettquh issa sar b’mod formali.”

ONE News ħa l-kummenti wkoll ta’ Manuel Gellel, maniġer fi ħdan l-istess NDAU.
“Aħna meta għandna unit speċjalizzat biex jiġbor informazzjoni relatata mal-użu tas-sustanza fil-pajjiż tagħna, aħna mbagħad ħa jkollna l-possibbiltà li, kemm aħna u kemm l-istakeholders, li naħdmu fil-qrib ħafna tagħhom, ikollna aktar viżibiltà tax-xejriet hemm barra x’inhuma, ikollna aktar viżibilità ta’ forsi x’nistgħu nistennew fil-futur qarib, inkunu nistgħu nieħdu azzjonijiet fattibbli flimkien mal-istakeholders biex nindirizzaw il-problema kurrenti u forsi anke eventwali li jista’ jkun hawn fil-pajjiż.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-NDAU, il-Professur Richard Muscat, qal li, permezz ta’ dan il-pass, se jkun hemm lok għal aktar riformi għall-ġid tas-soċjetà, waqt li se tingħata stampa aktar ħolistika tal-użu tad-drogi f’pajjiżna u r-risponsi strutturati għad-dipendenza.
