Ġiet varata sistema onlajn ġdida, li hi waħda moderna u sigura, biex titħaddem mir-Reġistru Malti tan-Negozju, l-MBR.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, saret preżentazzjoni mill-Kap Eżekuttiv tar-Reġistru Geraldine Spiteri Lucas, li qalet kif b’sistema ġdida tjiebet is-sistema, waqt li naqset il-burokrazija għan-negozji lokali.
Fil-proċess biex saret is-sistema ttieħdu suġġerimenti mill-imsieħba li jagħmlu użu minnha, biex tkun faċli kemm għall-ħaddiema fir-Reġistru kif ukoll mill-klijenti.
Il-Ministru Schembri sostna kif is-sena l-oħra, b’mod manwali, ir-Reġistru pproċessa aktar minn mitejn elf dokument u sostna kif, f’perjodu ta’ tliet xhur, diġà ġew ipproessati aktar minn 80,000 dokument b’din is-sistema diġitali l-ġdida.
Intqal kif issa l-pass hu li dan ir-Reġistru jsir paperless. Minbarra dan l-investiment, ir-riżorsi umani żdiedu wkoll, hekk kif minn ħamsa u tletin ħaddiem telgħu għal mija.
Il-Ministru kompla kif dan se jwassal iżjed biex pajjiżna ’l quddiem ikun aktar kompetittiv, waqt li jkun iżjed faċilitat il-proċess biex negozji jinvestu fostna.