Waqt li ninsabu fuq l-għatba tal-istaġun tas-sajf fejn ħafna bajjiet jinsabu diġà ffollati bin-nies, il-Ministeru għall-Ambjent nieda kampanja biex meta jmorru jgħumu jużaw mill-inqas il-plastik li jintuża darba.
Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera qal li l-kampanja bit-tema Saving Our Blue għandha l-għand li tindirizza l-ammont konsiderevoli ta’ skart iġġenerat fil-bajjiet tagħna.
Il-kelliema tal-kampanja Clare Agius qalet li l-kampanja tinkludi għaxar inizjattivi li jistgħu jħallu impatt pożittiv fuq l-ibħra tagħna.
“Illum illonċjajna dawn l-għaxar regolamenti, lanqas huma regolamenti… għaxar kmandamenti. Huma modi ta’ kif wieħed jista’ jbiddel xi ħaġa żgħira fl-istil ta’ ħajja tiegħu illi se tagħmel, ħa tħalli impatt pożittiv fuq l-ambjent”
Fost oħrajn tissuġġerixxi li l-għawwiema jieħdu magħhom flixken tax-xorb li jista’ jerġgħu jużaw, u jgħidu le għal kull oġġett tal-plastik li jintuża darba u jintrema, bħal tazzi, basktijiet, platti u pożati.
“Jekk inti se tmur fil-bajja ara x’għandek bżonn u se tieħu dak li għandek bżonn, mhux dak li se tarmi u ma tridx terġa’ tieħdu lura d-dar. Jekk inti tpejjep ara fejn se tpoġġi l-buds tas-sigaretti tiegħek wara li tkun lestejthom.”
Is-Sinjura Agius qalet ukoll li mis-Sibt li ġej, se jibdew jżuru għadd ta’ bajjiet fosthom il-bajja tal-Għadira fil-Melliea biex jgħarrfu lill-pubbliku kemm hu faċli li jbiddlu d-drawwiet ta’ kif nikkonswmaw l-affarijiet.
Fl-istess waqt id-Duo Daniel u Sander se jtellgħu preżentazzjoni għal studenti li jattendu skolasajf.
“Aħna ħa nkunu qegħdin induru l-bajjiet sabiex ngħinu lil dak li jkun jaħseb ftit aktar qabel ma jagħmel ċertu għażliet fil-plastik.Il-ftit żgħira li tbiddlu intom tkunu qed tbiddlu ħafna fil-pajjiż tagħna.”