Tul il-pandemija meta l-festi Maltin ma setgħux isiru minħabba r-restrizzjonijiet, is-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa fil-Marsa ma ħlietx ħin u ħatfet l-opportunità biex twettaq xogħol ta’ restawr fil-każin.
F’jum il-festa, ONE News żar il-każin tas-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa fil-Marsa, fejn ġiet spjegata l-ħidma mill-qalb li saret f’dan il-każin fl-aħħar sentejn.
Fosthom, sar rinovar ġenerali mal-każin kollu, rinovar tal-arkivji tas-Soċjetà Mużikali u l-kwadru tat-Trinità.
Id-Direttur tal-Każin, Leo Ciantar spjega ma’ dan l-istazzjon kif ġiet rinovata wkoll il-kappella ddedikata lit-Trinità Qaddisa fl-istess każin.
“Il-każin dejjem kellu spazju biex jagħmel kappella ddedikata lit-Trinità. Bħalma wieħed jista’ jara, ġiet irrinovata u rrestawrata minn kull naħa, inkluż anke l-inkwatru ta’ Wistin Camilleri li sar fl-1948 u li kien fi tliet każini li kienu tas-Soċjetà.”
Is-Segretarju tal-Każin qal li l-ġimgħa tal-festa serviet ukoll bħala opportunità biex ir-riżultat tal-ħidma tal-każin tul dawn is-sentejn, tiġi varata b’mod speċjali.
“Aħna min-naħa tagħna ħadna l-opportunità biex f’dawn is-sentejn nibqgħu naħdmu fejn, fil-festa bdejna l-festa billi ftaħniha bil-ftuħ tal-monument ta’ Anton Cassar li għamel ħamsin sena president tagħna.”
Il-President tal-Każin, Clinton Sammut innota bi pjaċir li issa, il-Maltin kollha jinsabu għatxana għall-festi tradizzjonali.
“Anke mill-marċi u l-attendenza n-nies qegħdin jieħdu pjaċir u qed nerġgħu nieħdu l-kultura Maltija mill-festi, jiġifieri xi ħaġa sabiħa ħafna.”