L-24 edizzjoni tat-Tour Internazzjonali ta’ Malta taċ-Ċikliżmu ser titella’ bejn nhar il-Ħamis 22 ta’ Marzu u l-Ħadd 25 ta’ Marzu 2018. Huwa mistenni numru rekord ta’ parteċipanti barranin b’mod partikolari nisa.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima filwaqt li awgura kull suċċess liċ-ċiklisti Maltin, ħabbar li bdew l-istudji neċessarji sabiex ikun identifikat sit fejn tkun tista’ ssir il-velodrome, li hija għodda eċċellenti għal dan l-isport u anke sabiex il-Gvern iżomm mal-wegħda elettorali tiegħu.
Matul is-snin dan it-tour serva ta’ opportunità tajba biex iċ-ċiklisti lokali jkunu jistgħu jikkompetu ma’ oħrajn barranin f’pajjiżna stess. B’hekk huma mhux biss jiggwadanjaw minn din l-esperjenza, iżda jkomplu jtejbu l-livelli tagħhom.
II-clubs lokali flimkien ma’ diversi oħra barranin ser ikollhom iċ-ċiklisti tagħhom jikkompetu fl-edizzjoni ta’ din is-sena. Il-maġġoranza tal-clubs barranin ġejjin mill-Ingilterra u 1-Italja. Ma’ dawn ser jieħdu sehem ukoll fuq bażi individwali, ċiklisti barranin minn diversi pajjiżi oħra.
It-Tour Internazzjonali ta’ Malta 2018 ser jittella’ fuq erbat ijiem. L-ewwel tappa ser tkun tikkonsisti f’Individual Time Trail fuq iċ-ċirkwit tal-Imtarfa fuq distanza ta’ 12-il kilometru, it-tieni tappa, fuq distanza ta’ 83.3 kilometru ser tkun fil-bypass ta’ San Pawl, t-tielet tappa fuq distanza ta’ 60 kilometru ser issir fuq iċ-ċirkwit tal-bypass ta’ Ħaż-Żebbug u r-raba’ u 1-aħħar tappa ser tkun tiġrija ta’ 88 kilometru fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin.
B’kollox ser ikun hemm tliet kategoriji ta’ ċiklisti jieħdu sehem li huma tal-Elite, tan-nisa u tal-Masters ta’ ’l fuq minn 40 sena.