Ġiet varata attrazzjoni turistika ġdida ‘The Ħaż-Żebbuġ Heritage Trail’, li permezz tagħha l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ ser ikunu qegħdin jaħdmu flimkien biex joffru t-turisti l-opportunità li jesploraw il-wirt storiku, kulturali u reliġjuż li toffri l-lokalità msemmija.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser tkun qiegħda tassisti lill-Kunsill Lokali billi jiġu introdotti sinjali ġodda madwar Ħaż-Żebbuġ kif ukoll mapep u iżjed għarfien dwar din il-lokalità fuq il-websajt uffiċjali ta’ VisitMalta.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Mark Camilleri u l-kunsilliera tal-istess Kunsill.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif dawn it-tip ta’ inizjattivi jkomplu jifirxu x-xelta wiesgħa li kapaċi joffri pajjiżna fid-dinja turistika. “Malta kapaċi tkun żona turistika waħda. F’lokalitajiet li mhumiex tradizzjonalment turistiċi diġà qegħdin naraw l-introduzzjoni ta’ boutique hotels u restoranti. Fid-dawl ta’ din il-fiduċja fost is-settur privat, qegħdin nagħmlu l-parti tagħna biex kull raħal jew belt ikollha prodott turistiku ħolistiku għal kull viżitatur,” stqarr il-Ministru Bartolo.