Fl-aħħar snin ġew stabbiliti diversi miżuri biex jiġi żgurat li, sa minn stadju bikri fil-ħajja tagħhom, it-tfal jingħataw l-aqwa opportunitajiet biex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Kull sena, il-Gvern ħaseb biex jiżdiedu l-investimenti sabiex it-tfal ikollhom l-aqwa appoġġ u l-aqwa servizzi, biex l-esperjenzi tat-tfulija tagħhom ikomplu jitjiebu u, b’hekk, ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Waqt it-tħabbir tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal intqal li dan se jkun wieħed mill-għodod li se juża l-Gvern biex jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tat-tfal, partikolarment dawk l-aktar vulnerabbli. Il-Pjan se jibni fuq il-qafas robust eżistenti diġà, biex it-tfal kollha jkunu jistgħu joħorġu l-potenzjal tagħhom.
Id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Denise Fiorentino, tat aktar dettalji dwar l-għan ta’ dan il-Pjan Nazzjonali.
Fiorentino qalet, “L-għan ta’ dan il-pjan huwa li aħna nipprevjenu l-esklużjoni soċjali tat-tfal vulnerabbli. Dan il-pjan jikkonsisti f’numru ta’ miżuri li permezz tagħhom it-tfal se jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar u kull opportunità li jkollhom suċċess fil-ħajja tagħhom u jilħqu l-potenzjal tagħhom.”
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Mark Musù, qal li l-impenn tal-Gvern huwa li ma jitħalla ħadd jaqa’ lura. Għal dan il-għan, il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali se jwassal biex jiġi żgurat li t-tfal u l-familji vulnerabbli, li jinsabu fil-faxxa tal-faqar, joħorġu minnha, u b’hekk kull tifel u tifla jkollhom bidu ugwali fil-ħajja.
Mark Musù tkellem dwar kemm hu importanti għall-Gvern li jaddotta l-Garanzija għat-Tfal fil-livell nazzjonali.
Stqarr, “Minbarra li hija talba mill-Unjoni Ewropea u inizjattiva mill-Unjoni Ewropeja, bħala Gvern inħossu li huwa importanti ħafna li nippjanaw għas-snin li ġejjin kif nistgħu intejbu l-benesseri tat-tfal tagħna. Dan se jsir b’diversi miżuri tul it-tmien snin li ġejjin.”
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, fakkar f’kif matul is-snin twettqu diversi bidliet leġiżlattivi, fost oħrajn il-Politika Nazzjonali tat-Tfal, li daħlet fis-seħħ. Barra minn dan, wara konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u diversi partijiet oħrajn li saru, daħlet ukoll fis-seħħ il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal.
Il-Ministru Falzon semma kif bdiet topera ċ-Children’s House. Irrefera wkoll għar-rapportat obbligatorju u l-adozzjoni miftuħa, li kollha kemm huma għenu biex ngħatat il-permanenza, biex b’hekk it-tfal ingħataw stabbilità akbar.
Il-Ministru Falzon fakkar kif l-amministrazzjoni preżenti wegħdet li, fil-ħames snin li ġejjin, tinvesti mal-mija u ħamsa u erbgħin miljun ewro f’miżuri u inizjattivi biex ikomplu jgħinu lit-tfal kollha, partikolarment lit-tfal vulnerabbli u fil-bżonn.
Spjega, “Hemm żewġ raġunijiet prinċipali: l-ewwel nett it-tfal huma parti mis-soċjetà tagħna tal-lum u huma wkoll il-ġenerazzjoni adulta ta’ għada. Dan huwa Gvern li dejjem emminna li rridu nħarsu lit-tfal, dejjem wettaqna miżuri mhux biss finanzjarji, meta naraw anki issa, miżuri li jagħtu potenzjal lil persuna ssir iktar kompleta. Dak huwa dover tagħna, bħala pajjiż nemmnu fil-ġustizzja soċjali u rridu nwettquh.”