Ħareġ il-prospectus tal-Giovanni Curmi Higher Secondary għas-sena skolastika li jmiss.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, qal li dan il-propsectus jirrifletti l-missjoni ta’ din l-istituzzjoni edukattiva li tipprovdi edukazzjoni permezz tal-iżvilupp sħiħ tal-abilitajiet tal-istudent.
Il-Ministru Grima qal ukoll li dan il-prospectus huwa mfassal fuq il-ħtiġijiet tal-istudenti u b’hekk iħares lejn l-abbilitajiet varji li dawn għandhom. Innota li din l-istituzzjoni edukattiva postsekondarja tagħti wkoll lill-istudenti pedament sod li permezz tiegħu jkollhom l-aħjar u l-aqwa tranżizzjoni bejn il-bank tal-iskola u d-dinja tax-xogħol.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Iskola, Gaetano Calleja, spjega kif dan il-prospectus jagħti l-informazzjoni kollha dwar is-suġġetti mgħallma f’din l-istituzzjoni.
Tkellem ukoll dwar kif, matul is-sajf, din l-istituzzjoni qed toffri wkoll opportunità għal sessjonijiet ta’ konsultazzjoni lil dawk interessati mal-membri tat-Tim ta’ Gwida u Pariri tal-iskola.
L-applikazzjonijiet għall-Iskola Sekondarja Ogħla jiftħu fil-11 ta’ Lulju u jagħlqu fid-19 ta’ Awwissu.