Sew jekk hux ħaddiema li jieħdu ħsieb l-iġene jew l-anzjani jew inkella jekk humiex infermiera jew tobba, dawn kollha huma importanti biex joffru kura u kwalità ta’ ħajja u għaldaqstant ser jingħataw ċ-ċans li jiġu rikonoxxuti għax-xogħol u d-dedikazzjoni bla qies li jwettqu mar-residenti ta’ San Vinċenz De Paule.
Għal sena oħra reġa’ tnieda l-premju ħaddiem tas-sena fl-isptar San Vinċenz De Paule fejn in-nominazzjonijiet jagħlqu fl-aħħar ta’ dan ix-xahar u s-serata li fiha jitħabbar min rebaħ il-premju se ssir fit-12 ta’ Diċembru.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paule spjegat: “Iħalli effett pożittiv ħafna. Il-ħaddiema ninvolvuhom anke fil-votazzjoni ġifieri jkunu qegħdin jistennew din l-okkażjoni b’ċerta ħeġġa u anke dakinhar meta nħabbru l-premju tara l-entużjażmu tagħhom.”
Din ir-residenza mhux biss toffri s-servizzi tagħha lejn uħud mill-pilastri tas-soċjeta’ iżda tirrikonixxi l-apprezzament tagħha lejn l-1,800 ħaddiem għall-ħidma dedikata u li tpoġġi fuq wiċċ l-idejn l-anzjani tagħna.
Dawn il-premijiet jagħtu valur addizzjonali għall-ħidma ħolitisika fejn il-ħaddiem ma jħarisx lejn xogħlu sempliċiment għal paga biss iżda jagħmlu dan aktar bħala vokazzjoni u missjoni, kif tisħaq r-rebbieħa tas-sena l-oħra, Marcon Galea:“Ifhem ix-xogħol tiegħi iktar għandu x’jaqsam ma’ l-impjegati milli ma’ l-anzjani imma huwa ta’ sodisfazzjon hux, għax anke hemm ħafna tipo affarijiet ta’ li tista tgħin lill-impjegati u affarijiet hekk.”
Preżenti għat-tnedija kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis li fisser kif premju bħal dan jinkoraġġixxi aktar lil ħaddiema li jieħdu gost ukoll meta mhux biss jiġu apprezzati iżda anki rikonoxxuti.