Ilbieraħ, l-Erbgħa 20 ta’ Ġunju, 2018 inzammet konferenza tal-aħbarijiet mill-Kunsill Lokali tal-Imtarfa fl-okkażjoni ta’ varar ta’ photobook ġdid dwar il-lokalità tal-Imtarfa, bl-isem ta’ L-Imtarfa – Belt il-Ġmiel u li fih xejn inqas minn 86 paġna u 146 ritratt u huwa maqsum fi 8 sezzjonijiet.
Għal dan il-għan, il-Kunsill ikkummissjona fotografu mill-lokal, is-Sur Reuben Seychell. Għalkemm minnu nniffsu huwa photobook u għaldaqstant l-enfasi sar fuq ir-ritratti, il-ktieb fih ukoll introduzzjoni għal kull sezzjoni, u din ħa ħsiebha s-Sur Vincent Zammit, li huwa gwida turistika, lecturer kif ukoll konsulent dwar l-istorja u l-kultura.
L-għan prinċipali tal-ktejjeb huwa biex iqarreb lit-turisti kif ukoll lil Maltin li m’humiex midħla tal-Imtarfa, mal-istorja u s-sbuħija unika ta’ dan il-villaġġ ċkejken. Fi kliem l-istess editur, is-Sur Zammit jgħid li normalment ħafna nies jafu l-Imtarfa biss mill-bogħod, għaliex tinsab ezattament faċċata tas-swar tal-Imdina. Meta wieħed jasal wasla sal-Imtarfa izda jiskopri wirt li tħalla mill-Inglizi prinċiparjament imma mhux biss. Fil-fatt fl-Imtarfa wieħed jista’ jsib anke oqbra puniċi u cart ruts fost oħrajn.
Is-Sindku, Dott. Daniel Attard, fisser kif dan il-ktieb huwa ħolqa oħra mill-vizjoni ħolistika tal-Kunsill illi jpoġġi l-Imtarfa fuq il-mappa turistika lokali. Dan flimkien ma’ proġetti oħra li qed jaħdem fuqhom l-istess kunsill, primarjament ir-restawr tat-torri tal-arloġġ, il-bini ta’ ċentru ta’ interpretazzjoni għat-turisti u r-riġenerazzjoni tal-pjazza.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet attenda wkoll l-Onorevoli Silvio Parnis, Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, f’isem il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali fejn faħħar l-inizjattiva tal-Kunsill, li għalkemm zgħir, irnexxielu inaqqax paġna importanti fl-istorja tiegħu bil-publikazzjoni ta’ dan il-ktieb.